Futbol Sport

Rebħiet għal Inter u Fiorentina

(Ritratt: EPA)

Inter kisbu rebħa ta’ 3-2 f’Sansiro fuq Atalanta, biex b’hekk Atalanta mhux se jkunu qed jilgħabu fil-UEFA Champions League l-istaġun li ġej. Inter marru fil-vantaġġ mal-ewwel ftit sekondi meta Lautaro Martinez żmarka lil Romelu Lukaku li xeħet fix-xibka għal 1-0. Inter rdoppjaw żewġ minuti wara permezz ta’ Nicolo Barella. Atalanta daħlu fil-partita b’gowl ta’ Mario Pasalic fis-36 minuta. Inter skorjaw it-tielet gowl tagħhom fis-77 minuta meta din id-darba kien Marcelo Brozovic li għadda lejn Lautaro Martinez għal 3-1. Luis Muriel skorja it-tieni gowl ta’ Atalanta, li madanakollu ma kienx biżejjed biex huma jieħdu l-punti minn din il-partita.

Intant f’partita oħra Roma kienu megħluba minn Fiorentina bl-iskor ta’ 2-1. It-tim immexxi minn Jose Mourinho fetaħ l-iskor fil-11-il minuta permezz ta’ Stephan El Shaarawy, bl-ewwel taqsima tintemm 1-0 favur Roma. Madanakollu, Fiorentina dawwru l-partita fit-tieni taqsima, bil-gowls jaslu permezz ta’ Luka Jovic fil-85 minuta u Jonathan Ikone fit-88 minuta.

Illum: Spezia v Torino 0-4, Salernitana v Udinese 3-2, Fiorentina v Roma 2-1, Inter v Atalanta 3-2
Għada: Verona v Empoli 12.30pm, Bologna v Napoli 3.00pm, Monza v Leece 3.00pm, Lazio v Cremonese 6.00pm, Juventus v Milan 8.45pm