Lokali

Sandra Gauci tinħatar bħala Chairperson tal-ADPD

Sandra Gauci inħatret bħala Chairperson ta’ ADPD-The Green Party waqt il-laqgħa ġenerali annwali li saret is-Sibt filgħodu. Waqt din il-laqgħa ġie ukoll ikkonfermat il-Kumitat Eżekuttiv tal-partit.

Meta indirizzat konferenza stampa fi tmiem il-laqgħa, Gauci qalet li n-nies iridu drittijiet mhux ċekkijiet kif ukoll li jgħixu f’pajjiż fejn tirrenja s-saltna tad-dritt bis-serjetà, fejn il-mertu u mhux il-ħbieb tal-ħbieb ikunu l-kejl li fuqu bniedem jimxi ‘l quddiem, u fejn il-kwalità tal-ħajja tkun verament imħarsa.

Sandra Gauci ilha attiva fl-ADPD għal dawn l-aħħar tliet snin. Hija għandha Baċellerat fl-Edukazzjoni fit-Taljan u Masters fil-Letteratura Taljana, kif ukoll borża ta’ studju mill-Università ta’ Siena fuq it-tagħlim tat-Taljan permezz taċ-ċinematografija. Hija għalliema tat-Taljan fl-iskejjel pubbliċi b’21 sena esperjenza.

Hija se tikkontesta l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew tas-sena d-dieħla f’isem ADPD – The Green Party flimkien ma’ Ralph Cassar u Mina Jack Tolu.

Waqt id-diskors tagħha hija rreferiet għall-mekkaniżmu tal-COLA li għandu bżonn jiġi aġġornat biex jirriffletti l-istil ta’ ħajja tal-familji tal-lum.

Il-membri tal-Kumitat Eżekuttiv huma dawn:

  • Sandra Gauci – Chairperson
  • Mina Jack Tolu – Deputat Chairperson
  • Carmel Cacopardo – Deputat Chairperson
  • Ralph Cassar – Segretarju Generali
  • Mario Mallia– Deputat Segretarju Generali (Organizattiv u Amministrattiv)
  • Melissa Bagley – Deputat Segretarju Generali (Policy)
  • Brian Decelis – Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi
  • Luke Caruana – Teżorier
  • Mark Zerafa – Segretarju Internazzjonali
  • Marcus Lauri u Matthew Mizzi – Membri