Internazzjonali

Il-Festival ta’ Cannes: Diskors kontra l-Gvern Franċiż jisraq ix-xena waqt il-preżentazzjoni tal-Palme d’Or

Il-film ‘thriller’ Anatomy of a Fall rebaħ il-premju ewlieni waqt il-Festival tal-Films ta’ Cannes ta’ din is-sena – bid-Direttur, Justine Triet, tuża l-okkażjoni biex tinfexx f’attakk qalil fuq il-Gvern ta’ Franza għar-reazzjoni tiegħu rigward il-protesti tal-Franċiżi dwar ir-riformi għall-pensjoni.

Il-produzzjoni Anatomy of a Fall titratta l-istorja ta’ awtriċi akkużata bil-qtil ta’ żewġha – b’Justine Triet, ta’ nazzjonalità Franċiża. issir it-tielet mara rebbieħa tal-Palme d’Or, il-premju prestiġjuż ta’ Cannes, fir-rwol ta’ direttur. Il-Palme d’Or ilu jingħata mill-1955 u meta l-film ta’ Triet għandu l-attriċi Sandra Huller fil-parti prinċipali – bl-istess attriċi Ġermaniża jkollha wkoll sehem fil-film The Zone of Interest li spiċċat fil-pożizzjoni ta’ runner-up f’dan il-festival.

Intant, l-attakk bla riservi ta’ Justine Triet fuq il-Gvern Franċiż serqet ix-xena waqt is-Serata f’Cannes. Dan partikularment meta Triet, wara li ngħatat il-Palme d’Or mingħand l-attriċi veterana Jane Fonda, irreferiet għall-mod kif il-Gvern ikkontrolla l-protesti dwar il-pensjonijiet bħala ‘ripressjoni xokkanti’.

Ir-riformi li qed jinsisti bihom il-President Franċiż, Emmanuel Macron, ikkaġunaw id-dimostrazzjonijiet kbar ta’ rabja mill-folol li ħonqu Pariġi biex jipprotestaw għaż-żieda fl-età tal-pensjoni minn 62 għal 64 sena.

U d-direttur tal-film rebbieħ, waqt id-diskors f’Cannes, ikkritikat lill-Gvern Franċiż anki għall-mod kif dan, skont hi, ‘qed jisfrutta l-kultura għal interessi purament kummerċjali’.

Fl-istess ħin, ir-rimarki kontroversjali qanqlu wkoll reazzjoni mingħand il-Ministru Franċiż għall-Kultura, Rima Abdul Malak, li esprimiet is-sorpriża tagħha dwar il-kummenti ta’ Justine Triet li fissrithom bħala mingħajr bażi u mhumiex xierqa fil-kuntest ta’ dan kollu.