Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Attakk ieħor bid-drones fuq Kiev fost il-vittmi u n-nirien

Il-Gvern tal-Ukrajna qal li l-qawwiet tiegħu rnexxielhom iwaqqgħu il-parti kbira nett ta’ drones li r-Russja sparat mill-ġdid lejn il-kapitali Kiev u li mifhum li ħallew talanqas persuna mejta flimkien ma’ xi midruba.

L-attakk kien l-aħħar fl-offensiva konċentrata tar-Russi fuq l-ibliet prinċipali Ukreni u meta f’dawn il-jiem niżlet xita ta’ missili u drones fuq Kiev, l-istess bħalma seħħ għall-ibliet lejn in-nofsinar u l-lvant tal-Ukrajna.

Qed jidher ukoll li r-Russi jridu jagħmlu minn kollox biex jintimidaw lill-poplu Ukren qabel l-Armata tal-Ukrajna twettaq il-kontro-offensiva mistennija biex taħtaf lura r-reġjuni u z-zoni okkupati mis-suldati tal-President Russu, Vladimir Putin.

Ir-rapporti minn Kiev qalu li r-Russja użat rekord ta’ 54 hekk-imsejħa kamikaze drones fuq il-miri tal-Ukreni u li s-sistemi tad-difiża fil-kapitali u l-madwar irnexxielhom iwaqqgħu 52 minn dawn id-drones provduti lill-Kremlin mil-Iran.

Intant, talanqas żewġ blokok ta’ bini f’distretti diversi ta’ Kiev ħadu n-nar wara li ntlaqtu mill-fdalijiet tad-drones li kienu qed jaqgħu fuq iz-zoni tal-kapitali.

Kien hemm anki n-nirien fl-inħawi tal-imħażen f’Holosiyivsky li hu distrett lejn in-nofsinar tal-kapitali.

Filwaqt li s-sorsi indipendenti ma kkonfermawx id-disfatta assoluta għar-Russi relatata ma’ dan l-attakk bid-drones, il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, faħħar il-qlubija u effiċjenza tad-difensuri fi Kiev, l-istess bħall-membri tas-servizzi tas-salvataġġ fil-kapitali.

Hu qal li kull darba li d-difiżi jwaqqgħu l-missili, id-drones u l-ajruplani tal-gwerra tar-Russi, huma jkunu qed isalvaw il-ħajja taċ-ċivili fi Kiev u bliet Ukreni oħra li qed ikollhom il-ħruxija tal-gwerra sfurzata fuqhom.