Lokali

Il-PN b’politika ambjentali u żvilupp sostenibbli…l-ewwel passi biex neqirdu l-faqar

Wara li fil-bidu ta' din il-ġimgħa l-PN ressaq Private Member Bill bl-iskop li jkun hawn tnaqqis fil-ħela tal-ikel u anke' tal-iskart tal-ikel - Ivan Bartolo, il-Kelliem għall-Oppożizzjoni dwar l-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u l-Ġlieda Kontra l-Faqar

“Meta wieħed iqis li skont ċifri uffiċjali r-rata tal-AROPE, jiġifieri tal-persuni fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali f’Malta, fl-2022 qabżet l-20% tal-popolazzjoni, u meta wieħed iqis li skont ċifri uffiċjali kull persuna tiġġenera xi 135kg ta’ skart tal-ikel kull sena fil-livell tal-unitajiet domestiċi, jixraq li pajjiżna jieħu azzjoni immedjata.

“Dan biex jiżgura li l-ikel bħala riżorsa essenzjali għal soċjetà b’saħħitha u għajxien sostenibbli, jitqassam bl-inqas ħala possibbli fost il-popolazzjoni kollha u li l-ebda ċittadin ma jkun imċaħħad – minħabba l-qagħda soċjali jew finanzjarja tiegħu – minn ikel san, frisk u nutrittiv li jipprovdilu kwalità bażika tal-ħajja u ħarsien ta’ saħħtu.”

Din id-dikjarazzjoni għamilha ma’ Il-Mument id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo, li hu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli kif ukoll dwar il-Ġlieda Kontra l-Faqar.

Tkellimt ma’ Ivan Bartolo wara li fil-bidu ta’ din il-ġimgħa żar lill-Ispeaker Anġlu Farrugia u ppreżentalu Private Member Bill bl-iskop li jkun hawn tnaqqis fil-ħala tal-ikel u anki tal-iskart tal-ikel. Ma’ Ivan Bartolo bdejt biex iddiskutejt is-sigurtà tal-ikel, u qalli li meta wieħed iqis li skont ċifri uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-pandemija tal-COVID-19 u l-effetti tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna, fost l-oħrajn, jirriżulta li dawn ħallew impatt fuq il-produzzjoni u t-trasport tal-ikel minn pajjiżi terzi varji – inkluż mill-Ukrajna – lejn l-Unjoni Ewropea.

Għalhekk dan kollu affettwa wkoll l-ikel u l-għalf importat fil-gżejjer Maltin, u l-prezzijiet tagħhom, jixraq li pajjiżna jieħu azzjoni immedjata biex jiżgura li ċ-ċittadini tagħna – irrispettivament mil-livell tal-għajxien tagħhom – ikollhom sistema sostenibbli tal-produzzjoni, tal-ipproċessar, tad-distribuzzjoni, tal-immaniġġjar u tal-konsum tal-ikel (u possibbilment tal-prodotti mediċinali).

Dan biex filwaqt li tonqos kemm jista’ jkun id-dipendenza lokali fuq pajjiżi oħrajn – ħafna minnhom mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea – b’ħidma id f’id mal-bdiewa, ir-raħħala, is-sajjieda u produtturi oħrajn titħeġġeġ effettivament il-produzzjoni tal-ikel lokali li tipprovdi ċertu serħan il-moħħ lill-ġenerazzjonijiet futuri.

Mistoqsi dwar l-impenn meħtieġ biex titrażżan il-ħala tal-ikel, Ivan Bartolo qal li skont ċifri tal-Unjoni Ewropea, li l-impatt negattiv tal-ħala tal-ikel fuq l-ambjent u r-riżorsi naturali qed kulma jmur jiżdied minħabba d-diffikultajiet diġà msemmija.Pajjiżna, minkejja ċ-ċokon tiegħu, jeħtieġ jagħmel il-parti tiegħu biex fil-prattika jonqsu l-ħala u l-ġenerazzjoni tal-iskart tal-ikel (u tal-prodotti mediċinali) u biex jiġu promossi l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ħalli jitwal iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti.

Mistoqsi dwar l-impenn meħtieġ fir-rigward tat-trażżin tal-iskart tal-ikel, Ivan Bartolo fisser li pajjiżna mhux qed jirnexxilu jilħaq il-miri stabbiliti għat-tnaqqis tal-iskart kif imfassla fil-pjanijiet tiegħu għall-2020 u għall-2030.

Jirriżulta li pajjiżna jeħtieġ jiżgura li jagħti prijorità ewlenija lill-prevenzjoni tal-ħala tal-ikel biex jindirizza l-ġenerazzjoni tal-iskart, u dan billi jieħu azzjoni immedjata għal dan l-iskop.

Dwar l-immaniġġjar tal-iskart tal-ikel u s-sostenibbiltà, id-Deputat Nazzjonalista fisser li t-trażżin tal-ħala u tal-iskart tal-ikel jinvolvi l-istadji kollha tal-katina alimentari, mill-produzzjoni sal-konsum, u peress li l-poplu tagħna għandu r-riżorsi u l-kapaċità li jkun strumentali f’kull wieħed minn dawn l-istadji, politika li tindirizza l-ħala u l-iskart tal-ikel jeħtieġ li qabelxejn tistrieħ fuq il-prinċipji bażiċi tal-immaniġġjar tal-iskart: naqqas, erġa’ uża u rriċikla, iżda fuq kollox tinċentiva tħaddim sostenibbli tal-ħiliet tal-produttur Malti.

Mistoqsi dwar it-tħaddim tal-art għall-ikel u l-għalf, Ivan Bartolo fisser li l-għajxien tal-ġenerazzjonijiet attwali u futuri jiddependi qabel xejn fuq it-tħaddim tar-raba’ u l-art għammiela lokali, u fuq l-użu għaqli tar-riżorsi naturali tagħna, pajjiżna jeħtieġ jieħu miżuri konkreti biex iħares ir-riżorsi naturali limitati tiegħu, iżda fl-istess waqt jiżgura kontinwazzjoni tax-xogħol tar-raba’, ħlas xieraq lill-produtturi, u kondiviżjoni tal-għarfien espert biex l-esperjenza u l-ħakma fis-settur ma jintilfux.

Tkellimna wkoll dwar ir-rwol vitali tad-donazzjoni tal-ikel u Ivan Bartolo spjega li ħafna mis-sistemi mħaddma fil-pajjiżi Ewropej u fl-Istati Membri tal-Unjni Ewropea, li qed jirnexxilhom jindirizzaw il-ħala tal-ikel b’titjib sostanzjali kull sena, huma bbażati fuq l-għoti tad-donazzjonijiet.

Jirriżulta wkoll li l-aktar stadji li jinvolvu ħala tal-ikel huma d-distribuzzjoni u l-konsum u għalhekk pajjiżna jeħtieġ jagħraf li ħafna mill-ħala u l-iskart tal-ikel jista’ jiġi indirizzat mill-konsumaturi stess fil-livell tal-ħwienet tal-ikel u tal-unitajiet domestiċi billi jitwaqqfu sistemi armonizzanti li jmexxu l-ikel tajjeb għall-konsum mill-bniedem jew għall-għalf fir-rotot it-tajba mingħajr ma jitfixkel is-suq.

L-esperjenza dinjija wriet li kwalunkwe effett li miżuri bħal dawn jaf ikollhom fuq il-prezzijiet tal-ikel – aktarx l-ebda effett – jitpaċa bil-qawwa bl-iffrankar tal-miljuni li jinkiseb bit-trażżin tal-ħala, u jerfa’ lil bosta persuni mill-faqar, jew mir-riskju tal-faqar.

B’riferenza għall-konformità mar-rekwiżiti bażiċi, Ivan Bartolo qal li l-linji gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-donazzjonijiet tal-ikel jirrakkomandaw li jitħaddmu sistemi li jiffaċilitaw il-konformità tal-fornituri u tar-riċevituri tal-ikel żejjed ma’ ċerti rekwiżiti essenzjali tal-Unjoni Ewropea.Dan fir-rigward tal-iġjene u s-sikurezza tal-ikel, it-traċċabbiltà, ir-responsabbiltà, it-taxxi u l-bqija, pajjiżna jeħtieġ isarraf it-tagħlimiet miksuba ta’ pajjiżi mudell f’dan il-qasam, bħal-leġiżlazzjoni li daħlet fis-seħħ fi Franza fl-2016, il-leġiżlazzjoni Israelita tal-2018 u bosta prattiki Daniżi ta’ suċċess, biex ikunu pijunier u kontributur ambjentali xieraq.

Qbina li dan kollu jrid ikun imsejjes fuq struttura mibnija fuq is-solidarjetà u d-Deputat Nazzjonalista enfasizza li ħafna mis-sistemi ta’ suċċess fil-pajjiżi dinjin li jqassmu l-ikel tajjeb għall-konsum jew għall-għalf, jiddependu kważi għalkollox fuq is-solidarjetà u s-sens ċiviku tal-komunitajiet.

Għalhekk jeħtieġ jitħeġġeġ it-twaqqif ta’ struttura mħaddma mill-għaqdiet biex ikunu jistgħu jingħataw aktar donazzjonijiet tal-ikel (u possibbilment tal-prodotti mediċinali) b’mod strutturat mill-kumpaniji b’fatturat annwali li jaqbeż ċertu limitu lill-banek tal-ikel, l-istituzzjonijiet tal-karità u s-soup kitchens.

Indubbjament, dan l-għoti jeħtieġ jissodisfa għadd ta’ kriterji stabbiliti mill-awtoritajiet biex ikun żgurat li ma jkunx ifixkel is-suq jew li ma jintużax biex ifixkel is-suq.

Hu qal li jeħtieġ li wieħed jolqot diversi għasafar b’ġebla waħda.

Id-donazzjonijiet tal-ikel żejjed jaqbel bis-sħiħ mal-politika tal-Unjoni Ewropea dwar it-tnaqqis tal-iskart u l-ħala tal-ikel u mal-istrateġiji ewlenin tal-Kummissjoni Ewropea għall-ktajjen alimentari fosthom l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-2015 “Closing the Loop” għal Ekonomija Ċirkolari.

Pajjiżna jeħtieġ iħaddem il-fondi tal-Unjoni Ewropea bl-aħjar mod biex iwettaq politika konkreta li ttejjeb sostanzjalment il-kontribut lokali għal dan il-għan, li toħloq u tinvolvi lill-intrapriża soċjali, li tipprovdi sostenn lill-istituzzjonijiet akkademiċi lokali għal riċerka, żvilupp u innovazzjoni f’dan il-qasam essenzjali, u li tippromwovi x-xiri u l-konsum għaqlin u responsabbli.

Mistoqsi dwar kif se nindirizzaw it-tibdil fil-klima, Ivan Bartolo sostna li d-donazzjonijiet tal-ikel jikkontribwixxu pożittavament ukoll għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, bi qbil mal-prinċipji tal-Emerġenza tal-Klima approvati mill-Parlament ta’ Malta, u mal-miri tal-Unjoni Ewropea għall-2030 u għall-2050, politika f’dan is-sens jeħtieġ li timxi paripassu ma’ politiki ambjentali oħra li jindirizzaw l-għan akbar – imfassal minn pajjiżna u mill-Unjoni Ewropea – b’rabta mal-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.Mistoqsi dwar il-ħidma favur l-iżvilupp sostenibbli u kontra l-faqar, hu qal li l-Kummissjoni Ewropea hi impenjata bis-sħiħ ukoll lejn l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli, fosthom il-Mira 12.3. Dan biex il-ħala u l-iskart tal-ikel jonqsu bin-nofs sal-2030 fil-livell tal-bejgħ bl-imnut u tal-konsum.Il-Kummissjoni Ewropea hi kommessa wkoll li trażżan bil-qawwa l-ħala tal-ikel tul l-istadji kollha tal-katina tal-produzzjoni u l-forniment tal-ikel.

Pajjiżna jeħtieġ iwettaq politika – bi sħab u bl-involviment tal-persuni kollha interessati u involuti f’dawk l-istadji – li tagħti prijorità xierqa lil ċerti għanijiet stabbiliti fosthom miri għal tnaqqis gradwali fil-ħala sal-2030, u għal irkupru u tqassim tal-ikel żejjed ħalli tiġi indirizzata din il-problema u fl-istess ħin tiġi indirizzata wkoll ir-rata għolja tal-persuni fir-riskju tal-faqar.

Mistoqsi dwar ir-rwol li jistgħu jaqdu l-ħwienet, ir-ristoranti u l-familji, Ivan Bartolo spjega li l-irkupru tal-ikel żejjed jaqdi funzjoni soċjali ewlenija, b’mod partikolari fost il-persuni bl-inqas introjtu jew mingħajr introjtu diċenti.Pajjiżna jeħtieġ iħeġġeġ il-flussi tal-ikel żejjed mill-ħwienet tal-ikel u r-ristoranti u mill-unitajiet domestiċi lejn il-persuni li jissodisfaw ċerti kriterji stabbiliti mal-partijiet ikkonċernati u l-esperti, ħalli jonqos sostanzjalment ir-rimi tal-ikel li jkun għadu tajjeb għall-konsum mill-bniedem jew għall-għalf.

Qbilna li huma importanti ħafna l-kampanji ta’ għarfien u d-Deputat Nazzjonalista qal li l-ħela tal-ikel jeħtieġ jiġi indirizzat bil-qawwa fil-livell tal-konsum, pajjiżna jeħtieġ jimbarka b’kampanja attiva fl-iskejjel, jew saħansitra jinkludi l-immaniġġjar tal-ikel u t-tisjir san fis-sillabi nazzjonali tal-iskejjel primarji u sekondarji, biex il-ġenerazzjonijiet attwali u futuri minn ċkunithom jagħrfu li s-sorsi tal-ikel huma qasam mill-aktar vitali għall-għajxien tal-bniedem (u mhux jittieħed b’mod ovvju), u biex jagħrfu l-importanza ta’ stil tal-ħajja li jevita u jistmerr il-ħala tal-ikel u li jikkonsma b’mod kuxjenzjuż.

Tkellimna mbagħad dwar il-ħidma importanti li titwettaq mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi u Ivan Bartolo spjega li skont ċifri ppubblikati minn għadd ta’ banek tal-ikel u soup kitchens lokali juru żidiet sostanzjali kull sena fl-użu ta’ dawn il-faċilitajiet mill-persuni fil-bżonn.Qal li jeħtieġ li tkompli tiseddaq politika kontra l-ħala tal-ikel u li twieżen lill-persuni fil-faqar jeħtieġ li tappoġġa l-ħtiġijiet attwali ta’ dawn il-faċilitajiet biex filwaqt li jitħarsu minn ċerti responsabbiltajiet permezz tal-kunċetti legali tas-Samarittan it-Tajjeb, titħaddem politika mill-inqas invażiża iżda mill-aktar kontributorja.

Filwaqt li l-organizzazzjonijiet mhux governattivi involuti fl-immaniġġjar u d-distribuzzjoni tal-ikel, fost l-oħrajn, għandhom jitħarsu minn piżijiet regolatorji bla bżonn, li jeħdulhom ħafna ħin jew li jiswewhom ħafna flus, permezz tal-istruttura msemmija għandhom jingħataw is-salvagwardji u l-għajnuniet meħtieġa b’mod proporzjonat skont l-għadd u l-ħtiġijiet dejjem akbar tal-persuni fil-bżonn li javviċinawhom.

Tkellimna dwar il-ħtieġa li l-komunità stess tkun inċentivata u appoġġjata f’inizjattivi bħal dawn u Ivan Bartolo jenfasizza li mill-esperjenza li kisbu pajjiżi oħra, bħad-Danimarka u l-Lussemburgu ngħidu aħna, il-ħala tal-ikel jista’ jitrażżan b’diversi inizjattivi solidali li tieħu l-komunità minn jeddha, kwalunkwe struttura stabbilita għal dan il-għan jeħtieġ tinċentiva u mhux tiskoraġġixxi dawn l-inizjattivi.

Fost dawn l-inizjattivi, jidher li l-aktar uħud mifruxa huma apps u websites għat-tqassim tal-ikel żejjed, sistemi fil-ħwienet u fis-supermarkets ta’ roħs tal-prodotti li qed joqorbu l-best-before, ħwienet apposta li jbigħu l-ikel żejjed, ristoranti li jipprovdu menù skont l-ikel żejjed fis-suq, kampanji edukattivi ta’ għarfien u kuxjenza mmirati għal etajiet differenti fil-komunità, programmi televiżivi u radjofoniċi li jħeġġu t-tisjir skont l-ikel żejjed fis-suq, l-inċentivar tal-intrapriża soċjali biex torganizza ruħha f’dan is-sens, u miżuri oħra li jipproteġu u jippromwovu l-prodotti friski lokali.

B’riferenza għall-ġbir tad-data dwar il-ħala tal-ikel f’Malta, Ivan Bartolo qal li mingħajr preġudizzju għall-ġbir tad-data obbligatorju stabbilit fid-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2019/1597 b’rabta mal-kwantitajiet tal-iskart tal-ikel iġġenerat f’pajjiżna kull sena f’kull stadju tal-katina tal-provvista, pajjiżna jeħtieġ jiżgura li jipprovdi data ulterjuri relatata mal-livell u l-prevenzjoni tal-iskart tal-ikel, ngħidu aħna dwar l-ikel distribwit mill-ġdid għall-konsum mill-bniedem jew ittrasformat f’għalf għall-annimali, u dwar l-ilma mormi li jintuża mill-ġdid għal għanijiet oħra, abbażi ta’ kampjun sostanzjali tal-popolazzjoni.

Pajjiżna jeħtieġ ukoll iwettaq ukoll rieżami u valutazzjoni tal-ostakli ewlenin fil-leġiżlazzjoni nazzjonali attwali għar-ridistribuzzjoni tal-ikel, f’kull stadju tal-katina alimentari.

Dan minbarra l-ħtieġa li pajjiżna jimbarka f’konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet ikkonċernati kollha fil-katina tal-ikel mill-produzzjoni sal-konsum biex il-politika kontra l-ħala u l-iskart tal-ikel tkun tikkunsidra l-ħtiġijiet u l-fehmiet diversi, u tindirizza l-aktar żviluppi riċenti.Hu kompla li filwaqt li t-trażżin tal-ħala tal-ikel jista’ jkun mezz biex jinħolqu għadd ta’ impjiegi u jitkattru l-intrapriżi soċjali, pajjiżna jeħtieġ jagħraf jisfrutta din in-niċċa biex jindirizza għanijiet differenti b’azzjoni waħda, inkluż il-projbizzjoni tar-rimi tal-ikel fil-miżbliet.

Barra minn hekk, il-ħwienet tal-ikel, b’mod partikolari dawk b’fatturat ta’ ċertu livell stabbilit jeħtieġ jitħeġġu jipprovdu mezz informattiv lill-klijenti tagħhom biex fil-mument tax-xiri jagħmlu deċiżjonijiet infurmati, temm Ivan Bartolo.