Lokali

Ir-residenti Beltin jipprotestaw għall-volum għoli tal-mużika sa tard bil-lejl

Valletta bil-lejl
Jistaqsu għaliex il-Pulizija mhix tieħu passi... filwaqt li l-Viċi Sindku jsib is-soluzzjoni: “Ma kellekx barmil ilma fil-viċin!”

L-Avviż Legali kontroversjali li jippermetti lill-istabbilimenti fil-Belt Valletta li jibqgħu jdoqqu l-mużika sas-1 a.m. minflok sal-11 p.m. imdaħħal mill-Gvern Laburista kontra x-xewqa tar-residenti Beltin, reġa’ sar kwistjoni attwali u ta’ prijorità għar-residenti fil-Belt Valletta.

Dan hekk kif lejliet is-sajf 2023, diġà ħwienet fil-Belt Valletta qegħdin jabbużaw u jħallu l-volum tal-mużika għoli mhux biss sas-1 am., iżda sa ferm aktar tard… xi drabi sa wara s-2 a.m. kif ġara fi tmiem il-ġimgħa l-oħra ’l isfel fi Triq il-Merkanti.

F’dawn il-jiem Il-Mument mar jiltaqa’ ma’ diversi residenti fil-Belt Valletta u sema’ mingħandhom direttament il-karba li din is-sitwazzjoni ma tistax tibqa’ kif inhi. B’mod ġenerali huma osservaw li jinsabu lejliet is-sajf, meta ġeneralment iħallu t-twieqi tal-kmamar miftuħa biex tidħol ftit żiffa, iżda minħabba l-istorbju se jkun diffiċli biex jagħmlu dan.

Huma qalulna li diġà hemm min qiegħed jabbuża u jħalli l-mużika f’volum għoli mhux biss sas-1 a.m., imma anki sa anki ħafna aktar tard. Dan m’għandux ikun għaliex qiegħed joħloq problemi lil min hu b’saħħtu u filgħodu jrid iqum għax-xogħol, iżda wisq aktar għall-vulnerabbli, għall-morda, l-anzjani u anki għal min għandu t-tfal żgħar.

Mistoqsija ripetuta li ngħaditilna kienet: Imma l-Pulizija fejn huma? Qalulna dawk li tkellimna magħhom li filgħaxijiet u bil-lejl diffiċli ħafna biex jaraw lil xi pulizija fit-toroq tal-Belt. Mhux biss, iżda meta jkun hemm min iċempel biex jilmenta mill-istorbju u mill-mużika għolja, tibqa’ ma tittieħed l-ebda azzjoni u dan m’għandux ikun.

Hawnhekk tkellimna wkoll dwar ‘is-soluzzjoni’ tal-Viċi Sindku Ray Azzopardi li fuq il-midja soċjali, għall-ilmenti tar-residenti dwar il-volum għoli tal-mużika, issuġġerixxa li min jiddejjaq bl-istorbju kemm jaqbad u jitfalhom barmil ilma!

Fil-fatt f’reazzjoni fuq il-midja soċjali, il-Viċi Sindku tal-Belt Valletta Ray Azzopardi kiteb: “Ma kellekx barmil ilma fil-viċin?” bir-residenta li kienet ilmentat twieġeb “anke bajd għaddieli minn moħħi” u żiedet “Imma malajr neħluha aħna!”

Imbagħad reġa’ wieġed il-Viċi Sindku u kiteb: “Għal darba oħra… lestih…” bir-residenta twieġeb lura tgħid lill-Viċi Sindku biex għal darba oħra jieħdu azzjoni “għax anke fuq it-twieqi tagħna jħabbtu.”

Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju wieħed is-Sindku Alfred Zammit li qal: “Is-soluzzjoni għal min mhux jobdi l-Ligi hija l-infurzar mill-Pulizija l-ħin kollu. Il-Pulizija twettaq xogħol importanti fil-Kapitali iżda min ma jridx jikkopera hemm il-Ligi li ħadd mhu ’l fuq minnha.

“Il-Ligi titkellem ċar li wara l-11 p.m., sas-1 p.m. mużika li ma jdejjaqx lin-nies. Wara s-1 a.m. mużika xejn u wara s-2 a.m. tagħlaq il-bieb. Min mhux qed iġib rispett lir-residenti li joqogħdu viċin, allura postu mhux magħna. Hawn min jieħu l-opportunità u jwaħħal fil-Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza Laburista biex forsi jerġa’ jieħu postu!

“Jien mhux politiku li nattakka għall-voti iżda biex ħadd ma jabbuża mis-suċċess tal-Belt Valletta. Ejjew nibżgħu għal dak li bnejna flimkien billi naraw li r-residenti jkollhom il-ħin tagħhom ta’ mistrieħ protett u għalhekk l-infurzar u l-Qorti jekk hemm bżonn għal min mhux jobdi.

“Il-Belt Valletta llum hija belt imfittxija mill-Maltin u l-barranin għas-sbuħija tagħha filgħodu u filgħaxija u m’hawnx isbaħ minnha u kull min iżurha jibqa’ impressjonat b’din il-Belt Barokka. Huwa għalhekk li lanqas id-divertiment kollu ma jgħodd għal din il-Belt iżda dak li jixirqilha.”

Tajjeb li nfakkru kif Il-grupp Valletta Residents Revival, li jirrappreżenta madwar 600 resident tal-Belt Valletta u l-familji tagħhom, kien nieda Position Paper li kienet titlob biex dan l-Avviż Legali jkun irtirat minħabba li huwa “oxen” u “jisfida” lir-residenti. Huma talbu wkoll l-appoġġ tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta mmexxi minn maġġoranza Laburista.

Il-Grupp kien insista li l-Kunsill Lokali Valletta suppost jirrappreżenta lilhom ir-residenti u mhux lill-Gvern.

Min-naħa tagħha l-Oppożizzjoni ffurmata mill-Partit Nazzjonalista kienet ressqet Mozzjoni biex il-Gvern iwaqqa’ dan l-Avviż Legali. Il-

Mozzjoni tressqet mid-Deputati tal-Partit Nazzjonali fuq l-Ewwel Distrett – Darren Carabott, Mario de Marco and Paula Mifsud Bonnici – bil-Mozzjoni ma tgħaddix wara li d-Deputati tal-Gvern ivvutaw kontra.

Fost id-diversi kummenti fuq il-midja soċjali dwar din il-kwistjoni kien hemm dawk ta’: Jake Scerri Seychell: “Jekk il-Gvern u l-Kunsill Lokali se jibqgħu iwebbsu rashom u ma jbiddlux din il-Liġi, mela allura qegħdin jgħidu lilna l-Beltin kollha biex noħorġu mill-Belt u mmorru ngħixu xi mkien ieħor. Dan żgur mhux aċċettabbli.

Il-Belt Valletta rat ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ tradizzjonijiet, valuri u stil ta’ ħajja uniku jintirtu matul iż-żminijiet – xi ħaġa li jien ngħożż u kull min hu verament Belti qiegħed jifhem x’jiena ngħid.

Ejjew flimkien ningħaqdu bħala Beltin u nkunu ta’ spalla għall-Beltin l-oħrajn bħalna li llum filgħodu kmieni qamu għax-xogħol wara lejl ta’ storbju biex erba’ turisti barranin nefqu flixkun vodka l-Ħadd filgħaxija!”

Carmen Robinson: “Il-Pulizija jafu minn qed jikser il-Ligi, u ma jagħmlu xejn!”

Marthese Mizzi: “Kemm jidispjacini. Jien il-ġimgħa l-oħra kont Catania u għaddejt minn triq tixbaħ lil Strada Stretta. Mimlija ristoranti, nies, dwalijiet… Atmosfera bellezza. Kulħadd bilqieħda. Jiekol u jixrob u mingħajr nitfa’ storbju. Anqas ħoss ta’ xejn.”

Henry Abela: “Neħħu dawk l-amplifiers għax dawk mhux posthom fil-Belt.”

Rita Seychell: “Aħna n-nies tal-Belt mhux sew li nibqgħu nbatu b’dan l-istorbju esaġerat.”

Donatella Sacco: “Jidher li għal ċerti ristoranti bħal ħadd ma jista’ għalihom.”