Internazzjonali

Vantaġġ għal Erdogan fl-elezzjoni deċiżiva wara li ngħaddew mas-60 fil-mija tal-voti

Il-Kunsill Suprem Elettorali tat-Turkija għadu kemm tenna li l-President Tork Recep Tayyip Erdogan għandu vantaġġ fuq ir-rivali Kemal Kilicdaroglu – li qed jikkuntesta t-tieni fażi deċiżiva tal-elezzjoni Presidenzjali bħala l-kandidat tal-Alleanza tal-Oppożizzjoni Torka.

L-elezzjoni hi l-aktar waħda importanti għal għexieren ta’ snin u meta Erdogan, issa, qed jidher bħala l-favorit assolut li jkompli bit-tmexxija ta’ pajjiżu li ilha għal dawn l-aħħar 20 sena.

Għalissa ngħaddew qrib is-60 fil-mija tal-voti, b’Erdogan qed jidher li kiseb ftit aktar minn54 fil-mija tal-vot kontra l-45 fil-mija għal Kilicdaroglu.

L-ammont tal-voti li ngħaddi sa ftit tal-minuti ilu kienu fuq it-28 miljuni

L-osservaturi fil-Punent jemmnu li mandat ta’ ħames snin oħra ta’ poter għal Erdogan għandhom jikkonsolidaw is-sistema ta’ awtokrazija f’Ankara – u fejn il-libertà tal-espressjoni għandha tibqa’ maħnuqa mill-Gvern, fost l-arresti u l-persekuzzjoni  kontinwi tal-politiċi u attivisti tal-Oppożizzjoni.

Il-vot tallum qed issir  wara li Erdogan, aktar kmieni fix-xahar, kien kiseb 49.5 fil-mija tal-appoġġ popolari u ftit anqas mill-ħamsin fil-mija ‘plus one’ għal maġġoranza assoluta.

Dan ifisser li Erdogan hu kważi ċert li jikkonsolida postu dejjem jekk ma jkunx hemm swing enormi u sorpriża favur ir-rivali sekulari Kilicdaroglu.