Internazzjonali

Iżrael: Inkwetati dwar ‘il-movimenti nukleari’ tal-Iran

L-uffiċjali f’Iżrael qed jinkwetaw dejjem aktar dwar il-proġetti attwali tal-Iran fis-settur atomiku…Dan fost rapporti sigrieti li jindikaw li r-reġim Iżlamiku f’Tehran qiegħed jaħdem fuq il-mekkaniżmi li jistgħu jservu bħala detonaturi għal bomba nukleari.

L-Iran, fil-fatt, ilu s-snin jaħdem fuq l-irraffinar tal-uranju li kapaċi jintuża għal missila bil-potenzjal għal qerda partikulari. Dan meta Iżrael qed jinnota wkoll żieda fil-kapaċitajiet tal-Iranjani għal attakk ‘fuq livell nukleari’ kontra xi pajjiż fil-Lvant Nofsani.

L-ispekulazzjoni li Iżrael hu l-uniku pajjiż fil-Lvant Nofsani bil-potenzjal nukleari qatt ma kien ikkonfermat uffiċjalment mill-istess Iżraeljani. Intant, mhix eskluża forma ta’ intervent militari mill-Iżraeljani biex iwieġbu għal sitwazzjoni fejn kapaċi jisfaw il-mira għall-aggressjoni min-naħa tal-Iran.

Il-Ġeneral Herzl Halevi li hu l-Kap Kmandant militari ta’ Iżrael, wissa diġà dwar ‘żviluppi negattivi li jistgħu jwasslu biex Iżrael jieħu azzjoni ( mhix speċifikata) kontra l-Iran’.

Hu spjega li l-ħidma tal-Iranjani għall-irraffinar tal-uranju laħqet livell bla preċedent, b’Iżrael qed jevalwa aspetti oħra li ‘il quddiem kapaċi jikkonfermaw lill-Iran bħala pajjiż bil-kapaċità nukleari.