Ekonomija Lokali

Jiżdied il-prezz tal-prodotti tal-ħalib; ir-raħħala jitolbu aktar għajnuna mingħand il-Gvern

Mill-bidu ta’ Ġunju se jerġa’ jiżdied il-prezz tal-prodotti tal-ħalib lokali. Dan minħabba li l-piżijiet għall-kumpanija Benna qed ikomplu jiżdiedu, wara li l-Gvern naqas milli joffri l-appoġġ għar-raħħala li joperaw f’dan is-settur.

Diversi sidien tal-ħwienet li tkellmu ma’ Net News spjegaw kif fl-aħħar jiem irċivew lista tal-prezzijiet il-ġodda. U għalkemm mhux il-prodotti kollha tal-Benna se jogħlew, hemm uħud li se jaraw żieda sostanzjali.

Fost il-prodotti li se jogħlew hemm il-ħalib tal-kartuna, inkluż dak skimmed u dak b’inqas xaħam. Il-kartuna ħalib tal-litru se tiġi tiswa’ ewro.

Se jiżdiedu wkoll il-milkshakes tal-Benna, il-prezz tal-yogurt, il-prezz tal-irkotta u anke l-mozzarella.

Diversi raħħala qalulna li huma ilhom xhur sħaħ iġorru piżijiet ta’ spejjes li ilhom jogħlew b’mod regolari aktar minn sentejn. B’uħud mill-operaturi li jaħdmu f’dan is-settur jgħidulna li l-Gvern mhu jagħmel xejn biex jieħu ħsieb din l-industrija li hija vitali għal pajjiżna – għaliex il-Benna hi l-uniku kumpanija li tipprovdi ħalib frisk u prodott Malti mill-aktar ġenwin.