Internazzjonali

L-Elezzjoni fit-Turkija: Il-President Erdogan jiddikjara rebħa

Il-Prim Ministru tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, għadu kemm indirizza lill-partitarji tiegħu f’Ankara  fejn qalilhom li rebaħ it-tieni fażi deċiżiva tal-elezzjoni għall-Presidenza u li jfisser ħames snin oħra ta’ poter.

L-aħħar indikazzjonijiet qed juru li Erdogan għandu 52 fil-mija tal-vot fost rapporti konfliġġenti dwar il-perċentwal tal-vot miskub lir-rivali tiegħu, Kemal Kilicdaroglu, li f’din l-elezzjoni qed jirrappreżenta lill-Alleanza tal-partiti Torok fl-Oppożizzjoni.

Il-partitarji ta’ Erdogan,sadanittant, jinsabu għaddejjin biċ-ċelebrazzjonijiet fit-toroq – bil-mexxejja ta’ diversi pajjiżi, fosthom il-Prim Ministru Ungeriż, Viktor Orban, anki jibagħtu messaġġi ta’ kongratulazzjoni lill-President Tork.

It-tieni fażi tal-elezzjoni għall-Presidenza kellha ssir wara li l-ebda wieħed minn Erdogan u Kilicdaroglu ma kisbu l-50 fil-mija ‘plus one’ meħtieġa għal maġġoranza fl-ewwel rawnd tal-proċess.

L-elezzjoni hil-aktar waħda importanti għat-Torok għal għexieren ta’ snin u meta huma ilhom immexxija minn Erdogan tul l-aħħar 20 sena.

Iżda l-osservaturi fil-Punent jemmnu li mandat ġdid ta’ poter għal Erdogan għandu jikkonsolida s-sistema ta’ awtokrazija f’Ankara. Dan meta mistenni li l-libertà tal-espressjoni għandha tibqa’ maħnuqa mill-Gvern ġdid Tork u li jkomplu l-arresti u l-persekuzzjoni  kontinwi tal-politiċi u attivisti tal-Oppożizzjoni.

Meta t-Torok ivvutaw fl-ewwel fażi tal-elezzjoni, kien qed jidher li Erdogan kellu jiffaċċja l-akbar sfida għal snin fost spekulazzjoni li hu seta’ jitlef il-poter wara li daqstant snin ta’ dominanza assoluta f’pajjiżu.

L-inflazzjoni fit-Turkija, indikata mat-43 fil-mija, hi fost l-aktar aspetti li qed jifnu u jinkwetaw lit-Torok – b’ħafna setturi tal-poplu ma jżommux lura mill-kritika gal Erdogan li jiddeċiedi l-politika ekonomika fuq bażi nazzjonali.

Iżda l-istħarriġ tal-opinjoni qabel l-ewwel rawnd tal-elezzjoni marru żmerċ wara li kienu qed jindikaw vantaġġ minimu għal Kemal Kilicdaroglu, li, fil-fatt, spiċċa jikseb 45 fil-mija tal-vot ta’ nofs-Mejju u għal distakk sinifikanti ma’ Erdogan. Sadanittant, Kilicdaroglu baqa’ isejjaħ biex it-Torok jeħilsu minn reġim awtoritarju anki waqt li l-President Erdogan kien qed iwiegħed era ġdida bbażata fuq l-għaqda tal-poplu għat-tul taż-żmien,

Qabel l-elezzjoni tallum, Kilicdaroglu kien akkuża lil Erdogan dwar kampanja ta’ manipulazzjoni u qerq biex ma jħalli l-ebda possibbiltà għal disfatta. Dan ukoll fost akkużi li l-uffiċjali li qed imexxu l-kampanja ta’ Erdogan kienu qed iżommu l-messaġġi tal-Oppożizzjoni – permezz tal-media soċjali u l-SMSes – milli jaslu għand in-nies.