GSSE Malta 2023 Sport

Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar: Tliet aħwa fl-isquash għal Malta


Charles Camenzuli

Paul Sultana huwa President ta’ Malta Basketball Association u t-3 X 3 basketball. L-ebda rabta mal-basketball iżda mill-aħwa Sultana li għall-ewwel darba fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar se jkun hemm tliet aħwa li huma neputijiet ta’ Paul Sultana li huwa wkoll Chef-de-Mission tal-kontinġent Malti.

Colette, Kijan u Lijana Sultana huma sinonimi mal-isquash u fl-2022 it-tlieta rrappreżentaw lil Malta fil-Logħob tal-Commonwealth f’Birmingham.

Minnhom Colette biss għandha esperjenza fil-GSSE meta fl-2011 ħadet sehem f’Liechtenstein. Ta’ 27 sena, Colette b’ranking dinji 181, fi Frar 2023 flimkien ma’ Bryan Lun rebħet il-mixed doubles fl-Open tal-Awstralja u wara rebħet is-singles tal-Professional Squash Association Satellite Tournament.

Kijan ta’ 19-il sena, b’ranking numru 545, filwaqt li f’Birmingham ġarr il-bandiera Maltija flimkien ma’ Tenishia Thornton fic-Cerimonja tal-Ftuħ, huwa r-rebbieħ tal-aħħar kampjonati nazzjonali tal-isquash.
Lijana ta’ 16-il sena filwaqt li hija r-rebbieħa tal-Kampjonat Nazzjonali tal-Awstralja Taħt is-16-il sena u rebbieħa tal-Brisbane Junior Open, fil-Logħob tal-Commonwealth għelbet 3-2 lil Charlotte Knaggs ta’ Trinidad & Tobago.

U jekk ma’ Colette, Kijan u Lijana l-familja Sultana tkompli tikber, missierhom Robert Sultana huwa r-rebbieħ tal-Kategorija ‘l fuq minn 40 sena tal-Kampjonati Nazzjonali. Huma wkoll neputijiet ta’ Joanna Rizzo bla dubju waħda mill-aqwa plejers li pproduċiet Malta fl-isquash, rebbieħa ta’ għadd ta’ midalji fil-Logħob tal-Pajjiżi Żgħar.

L-aħwa Sultana, li huma residenti l-Awstralja għandhom bħala kowċ lil Bradley Hindle Deguara.