Formula 1 Sport

Max Verstappen jirbaħ il-Grand Prix ta’ Monaco

(Ritratt: EPA)

Is-sewwieq ta’ Red Bull Max Verstappen għal darb’oħra spiċċa fl-ewwel post din id-darba fil-Grand Prix ta’ Monaco. Verstappen temm it-tellieqa b’ħin ta’ 1:48:51, filwaqt li Fernando Alonso ta’ Aston Martin temm fit-tieni post b’distakk sostanzjali ta’ 27.921 sekondi. Esteban Ocon ta’ Alpine kiseb it-tielet podium fil-karriera tiegħu hekk kif spiċċa fit-tielet post.

Is-sewwieqa ta’ Mercedes Lewis Hamilton u George Russel temmew fir-raba’ u ħames post rispettivament. Riżultat mhux tas-soltu għaż-żewġ sewwieqa ta’ Ferrari Charles Leclerc u Carlos Sainz hekk kif minħabba nuqqas ta’ qbil fl-istrategija tat-tim ta’ Ferrari, kif ukoll il-kundizzjonijiet tat-temp, iż-żewġ sewwieqa ma setgħux jilħqu l-massimu tagħhom. Is-sewwieq minn Monaco temm it-tellieqa fis-sitt post, filwaqt li Sainz temm it-tellieqa fit-8 post, b’ Pierre Gasly ta’ Alpine jokkupa s-7 post bejniethom.

Lando Norris u Oscar Piastri ta’ McLaren kienu l-aħħar żewġ sewwieq li għamluha mal-ewwel għaxra.

Kevin Magnussen ta’ Haas u Lance Stroll ta’ Aston Martin kienu s-sewwieqa li ma temmewx it-tellieqa.