Lokali

Muscat jgħid li hu innoċenti – jattakka lit-Times of Malta

3 xhur wara li rriżenja minn Prim Ministru beda jdaħħal €11,800 f’konsulenza mingħand sid id-Dragonara Casino

Joseph Muscat, l-eks Mexxej tal-Partit Laburista u eks Prim Ministru, attakka lill-ġurnal Times of Malta għaliex ippubblikaw storja fuq konsulenza li għamel lil kumpanija ta’ għasafar eżotiċi li sidha huwa sid il-Casino Dragonara – konsulenza ta’ xejn inqas minn €11,800 fix-xahar.

Meta kien ikkuntattjat minn Times of Malta Muscat irrifjuta li jikkumenta dwar il-konsulenza ta’ €141,600 u saħaq li huma f’missjoni li jkissruh hekk kif saħaq li d-dokumenti kollha juru li huwa ma għamel xejn ħażin.

Muscat, insista li huwa kien l-ewwel prim ministru li rriżenja mill-pożizzjoni tiegħu qabel ma kellu jirtira bl-età…daqslikieku xi ħaġa li ta’ min tiftaħar biha. Dan filwaqt li saħaq li ta’ 48 sena għad fadallu ż-żmien biex jaħdem.

Dan filwaqt li insista li t-Times qed jippretendu li jieqaf jaħdem jew jisparixxi.

Il-konsulenza waslet inqas minn sena wara li l-Gvern tal-Labour immexxi minn Muscat daħal f’deal mill-aktar skandaluż ma’ Dragonara Casino, fejn il-każinò franka miljuni ta’ ewro hekk if Muscat estenda l-kirja tal-proprjetà b’64 sena u warrab għal kollox pagamenti tal-kirja.

9 xhur wara dan l-aġir meqjus bħala skandaluż għall-aħħar…Muscat beda jdaħħal ftit inqas minn €12,000 mingħand sid il-każinò, Johann Schembri.

Il-pagamenti bdew f’April 2020, 3 xhur wara li Muscat irriżenja qalb il-kriżi politika li ħakmet il-kuriduri ta’ Kastilja. Tajjeb li wieħed ifakkar li f’April tal-2020…Muscat kien għadu Membru Parlamentari.