Ninsabu tnax-il xahar lil hinn mill-elezzjoni għall-ħatra ta’ Ewro Parlamentari ġodda għall-Parlament. Elezzjoni li hi skedata li ssir fl-ewwel tmiem il-ġimgħa ta’ Ġunju tas-sena d-dieħla. Imma l-Partit Laburista diġà għandu l-magna tiegħu mixgħula u għaddejja b’ritmu ta’ manuvrar fil-konfront tal-kandidati li l-Partit se jkun qed jippreżenta.
S’issa hu ċert li l-Partit Laburista se jippreżenta tlieta mill-Ewro Parlamentari attwali li għandu… Alex Agius Saliba, Cyrus Engerer u Josianne Cutajar. Iżda magħhom se jippreżenta numru ta’ kandidati ġodda… Daniel Attard, Steve Ellul, Clint Flores, Maria Sara Vella Gafà u, possibbilment, anki lil Nadine Delicata u lil xi oħrajn.
Sorsi infurmati mill-Partit Laburista fil-jiem li għaddew tkellmu ma’ Il-Mument u żvelaw magħna diversi fatti mill-aktar interessanti dwar l-istrateġija li l-Partit Laburista għaddej biha attwalment b’rabta ma’ din l-elezzjoni ta’ aktar minn tnax-il xahar ieħor.
– Alex Agius Saliba: Diġà membru elett fil-Parlament Ewropew. Baħbuħ u popolari mad-Delegati u mal-għeruq tal-Partit Laburista u magħruf ukoll bħala ‘It-Thunder’, iżda ta’ Kastilja ma tantx japprezzawh jew jagħtuh valur u daqstant ieħor ma jagħrfux ħidmietu. Anzi kieku jkollhom l-opportunità jiżgambettawh, iżda jkollhom jitqannew bih.
– Alfred Sant: Diġà membru elett fil-Parlament Ewropew. Lil ta’ Kastilja qatgħalhom l-għatx bil-perżut billi diġà ddikjara li mhux se jikkontesta l-elezzjoni tas-sena d-dieħla. Spiss kritiku ta’ Robert Abela dwar il-korruzzjoni, in-nuqqas ta’ akkontabbiltà u l-faqar fil-pajjiż. Jippreferi lil Joseph Muscat u b’kitbietu jħeġġu biex jerġa’ jirritorna fix-xena politika… lil Robert Abela ma jarahx mexxej ta’ stoffa.
– Cyrus Engerer: Diġà membru elett fil-Parlament Ewropew. Hu assoċjat mal-fazzjoni ta’ Joseph Muscat, għalkemm jipprova jitħabbeb ma’ ta’ Kastilja wkoll kif għamel fil-kwistjoni dwar id-dħul tal-abort f’pajjiżna. Miżżewweġ lil Randolph Debattista fit-Tmexxija tal-Partit u hawn jinħoloq kunflitt ta’ interess għaliex hu infurmat qabel kulħadd dwar xi jkun qed jagħmel il-Partit u x’inhi l-istrateġija tiegħu. Randolph Debattista li attwalment qed jilbes diversi kpiepel… Deputat Parlamentari, Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista u Campaign Manager fil-kampanja ta’ Cyrus Engerer!
– Josianne Cutajar: Diġà membru eletta fil-Parlament Ewropew. Għawdxija kunsidrata bħala qrib ħafna tal-Eks Chief of Staff Keith Schembri. Mhix fdata minn ta’ Kastilja… u jqisuha widna, iżda bi tbissima. Iħossuhom li ma jafux fejn qegħdin magħha. Hu sigriet magħruf li fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista qed ifittxu kandidata oħra Għawdxija biex tissostitwiha. Għal dan l-iskop kienet identifikata persuna partikulari… iżda għal mument qagħdu pass lura.
– Daniel Attard: Kandidat ġdid. Eks Sindku tal-Imtarfa. Imbuttat minn Jason Micallef li ta’ Kastilja warrbuh minn kollox sempliċiment għaliex hu ta’ Joseph Muscat u għalihom dawk kollha tal-Eks Prim Ministru għandhom ‘il-pesta’. Fuq kollox hu sigriet magħruf li hu viċin tal-Eks Ministru Evarist Bartolo, imma anki hu qrib sew tal-Ministru Ian Borg li wkoll twarrab u ngħata l-ġenb. Wara perjodu bħala Deputat Kummissarju Għoli għall-Ingilterra, reġa’ lura fil-politika lokali… mhux faċli biex isib saqajh.
– Steve Ellul: Il-kandidat (żiemel) Laburista favorit ta’ Kastilja. Lealissimu lejn l-Eks Ewro Parlamentari Miriam Dalli. Jivvintaw aġenzija li suppost tħares l-ambjent. Jagħtuh impjieg ta’ CEO bi dħul ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro. Jipprovdulu għadd ġmielu ta’ ħaddiema u fondi ta’ €700 miljun biex ikun jista’ jagħmel kampanja mill-aqwa u mill-aktar effettiva. Jaf li l-kandidati l-ġodda l-oħra m’għandhomx ir-riżorsi li jgawdi hu grazzi għal ta’ Kastilja. Diversi fatturi mdawra miegħu għad jistgħu jikkompromettu l-kandidatura futura ta’ Miriam Dalli għat-Tmexxija tal-Partit… proprju kif ġara lill-Ministru Ian Borg li ‘ħaraq’ lilu nnifsu. €700 miljun mhumiex ċajta! Iżda dawk li qed jarmawlu t-tined fl-irħula qed igawdu!
– Clint Flores: Kandidat ġdid. Miżżewweġ lil Ray Azzopardi li għandu għeruq fondi fil-Partit. Spiss frustrat u diżgustat bil-mod kif isiru l-aktar affarijiet oxxeni mit-Tmexxija tal-Partit – id f’id ma’ ta’ Kastilja dejjem meta jkun jaqblilhom – u allura jirrikorri għall-midja soċjali biex jikkritika lil ta’ Kastilja u lit-Tmexxija tal-Partit li qed jiddiskriminaw sfaċċatament fil-konfront tal-kandidati għall-elezzjoni tas-sena d-dieħla… b’mod partikulari fil-konfront tiegħu.
– Maria Sara Vella Gafà: Kandidata ġdida. Sindku tal-Gudja fejn attwalment hemm ħafna tgergir fil-konfront tagħha għall-fatt li grazzi għal din il-kandidatura, warrbet l-attenzjoni u x-xogħol għal-lokal biex tiffoka ħidmietha fuq il-kampanja tagħha fuq livell nazzjonali… u l-Gudjani ħalliethom isaffru! Ħafna fil-Partit Laburista qed jgħidu li din aktar tinteressaha li tidher kemm tista’ għax fil-fatt tħobb tidher… milli tkun ta’ sustanza!
– Nadine Delicata: Għawdxija. Fit-Tmexxija ta’ Vitals Global Healthcare. Robert Abela u l-Partit Laburista kienu se jibdew jiġru warajha biex tikkontesta din l-elezzjoni għax għandhom bżonn kandidata Għawdxija biex jaqtgħu saqajn l-Ewro Parlamentari Josianne Cutajar li mhix fdata aktar. Il-pjani ta’ Kastilja kienu li biha jkollhom kandidatura stilla li tieħu l-voti f’Għawdex ta’ Josianne Cutajar… iżda l-intriċċi fil-Vitals Global Healthcare xegħlulhom bozza ħamra għaliex ma jafux kif jistgħu jiżviluppaw l-affarijiet u fuq il-platt diġà għandhom ftit tal-problemi mhux ħażin. Madankollu hemm min jargumenta li b’din il-kandidatura jistgħu jagħlqulha ħalqha minn dak kollu li taf!
//= $special ?>