Lokali

Nikxfu l-qerq tal-Gvern dwar il-blokka bini f’Taċ-Ċawla

Wara li l-ġimgħa l-oħra żvelajna kif il-Gvern għandu pjani li jirrovina l-uniku spazju liberu li hemm fiż-żona Taċ-Ċawla fir-Rabat Għawdex billi jibni blokka bini oħra...

Il-ġimgħa l-oħra din il-gazzetta Il-Mument żvelat il-pjani tal-Gvern Laburista li jirrovina l-uniku spazju liberu u miftuħ fiż-żona Taċ-Ċawla fir-Rabat Għawdex biex minflok jibni blokka bini oħra.

Irrapportajna l-ġimgħa l-oħra l-għadab tar-residenti li se jinqerdilhom dan l-uniku spazju li għandhom sempliċiment biex il-Ministru Clint Camilleri jipprova jaqdi lill-kostitwenti tiegħu.

Anki l-istqarrija li ħareġ il-Gvern dwar din il-kwistjoni hi waħda għal kollox qarrieqa u li tinsulenta l-intelliġenza tal-poplu, b’mod partikulari tar-residenti f’Taċ-Ċawla.

Fiha nnifisha din l-istqarrija tal-Gvern hi turija bil-fatti ta’ dak li jagħmel il-Gvern ta’ Robert Abela meta jsib ruħu dahru mal-ħajt u kif qalli d-Deputat Nazzjonalista Alex Borg “jirrikorri għal-logħba tan-numri… u għax jirrikorri għal din il-logħba tan-numri mingħalih li kulħadd għandu jemmnu.”

Alex Borg mistoqsi dwar il-qerq tal-Gvern anki f’din il-kwistjoni, fisser li: L-applikazzjoni tal-iżvilupp PA/5522/18 dokument 1a (l-ewwel dokument approvat tal-permess għal dan il-proġett) turi biċ-ċar li s-sit huwa 2,403 metru kwadru mhux 3,750 metru kwadru.

Meta wieħed jistudja sew din il-mappa malajr jasal għall-konklużjonijiet tiegħu jekk id-disgħa fil-mija hix veritiera.

Alex Borg kompla li: Bil-kalkolu qarrieq tal-Gvern stess id-disgħa fil-mija issa saru erbatax fil-mija skont l-applikazzjoni tal-permess li saret mill-Gvern stess.

Il-playing field area, il-gym area u social area kollha se jitnaqqsu mhux biss minħabba l-blokka mostru li se tinbena fin-nofs, imma anki għax il-blokka l-ġdida tenħtieġ l-aċċess.

Alex Borg żied li dawn il-fatti kollha tikkonfermahom il-pjanta maħruġa mill-Gvern stess. Jiġifier l-Gvern inqabad bl-aktar mod ċar jipprova jinganna u jqarraq.

Filwaqt li fisser li b’dan il-mod qarrieq, dan l-aċċess ukoll ġie inkluż bħala spazju miftuħ.

“Bħallikieku niftħu triq u nibdew insejħulha spazju miftuħ?”

Id-Deputat Nazzjonalista kompla li lilhinn mil-logħba qarrieqa tan-numri u tal-ħafna stampi sbieħ li ried jippreżenta l-Gvern, hu fatt li l-Gvern qed jinjora bl-aktar mod arroganti t-talba tar-residenti.

Filwaqt li spjega li l-Gvern ta’ Robert Abela qed jiddefendi dan il-proġett bl-għeruq u x-xniexel meta jaf li r-residenti ma jriduhx, żied li dan il-proġett issa nbeda u s-sit kien imbarrat u dan jista’ jarah kulħadd.

Tajjeb li jingħad li fost il-ħafna affarijiet ħżiena marbuta ma’ dan il-proġett, hemm dik li qed jintalab il-permess li jinqalgħu s-siġar.

Dokument 84a tal-permess jitlob li qabel jinbdew ix-xogħlijiet u tiġi mogħtija l-istruzzjoni biex jinbdew ix-xogħlijiet, jintalab “nature permit” mingħand l-ERA u dan għall-qlugħ tas-siġar. Jekk wieħed jiċċekkja s-sit tal-ERA, dan il-permess ma ntalabx u ma hemm l-ebda “nature permit” maħruġ mill-ERA.

Alex Borg kompla li dan hu litteralment każ ieħor fejn il-Gvern isir hu stess il-gaffa u jiġi jitmejjel minn dak li jixtiequ n-nies u minn dak li jistabbilixxu l-liġijiet.

Hu temm jgħidilna li tajjeb li wieħed josserva li fl-istqarrija tiegħu l-Gvern ma jissemmi mkien it-talba tar-residenti għal-lifts tant imwiegħda.

“Dik tqila biex tirrispondiha bl-istunts u bl-istampi! Min jaf għala blokka waħda biss? Blokka HB… kellhom il-ħila jpoġġu lift fiha? Għax riedu jaqdu lil xi ħadd partikolari?”