Futbol Sport

Premier League Ingliż: Leicester City u Leeds Utd relegati, Aston Villa jispiċċaw fis-7 post b’rebħa kontra Brighton

Leicester City, li kienu Champions tal-Ingilterra fl-2016, spiċċaw relegati mill-ogħla diviżjoni minkejja rebħa, 2-1, fuq West Ham United fil-King Power Stadium.

Tim ieħor relegat hu Leeds United li kienu umiljati f’darhom, 1-4, minn Tottenham Hotspur, b’dawn iż-żewġ timijiet isieħbu lil Southampton, li kienu l-ewwel tim relegat f’dan l-istaġun u li fl-aħħar jum tal-kampjonat kienu involuti fi draw divertenti ta’ 4-4, ma’ Liverpool f’St Mary’s Stadium.

Intant, Everton kienu jafu li kellhom ikunu salvi b’rebħa fuq Bournemouth f’Goodison Park u huma ma diżappuntawx lis-sapporters grazzi għall-gowl uniku u prezzjuż skurjat minn Doucoure fil-bidu tat-tieni taqsima,

Sadanittant, l-aħħar programm tal-kampjonat kien ta’ swied il-qalb partikulari għas-sapporters ta’ Leicester, bil-klabb tagħhom isellem lill-Premier League wara disa’ staġuni fl-ogħla diviżjoni. Fil-verità id-destin tagħhom kien jiddependi anki fuq ir-riżultat ta’ Everton u għaldaqstant huma ma rnexxilhomx isalvaw posthom għal żewġ punti biss.

Il-Foxes marru fil-vantaġġ fl-34 minuta meta Harvey Barnes ikkonkluda għall-1-0 b’suġġeriment ta’ Iheanacho, bid-difensur Wout Faes jirdoppja l-iskor wara siegħa logħob. West Ham naqqsu d-distakk b’gowl minn Pablo Fornals fit-80 minuta u bir-riżultat jikkundanna xorta lill-Foxes ladarba Everton xorta waħda kisbu t-tlett punti kontra Bourenmouth fl-aktar jum importanti tal-istaġun.

L-istaġun diżastruż għal Leeds United intemm bit-tim minn Yorkshire relegat wara tliet stgaġuni biss fil-Premier League. U wara t-telfa, 1-4, f’Elland Road, is-sapporters ta’ Leeds infexxew ir-rabja tagħhom mal-plejers u d-diriġenza tal-klabb. Fil-kamp l-ieħor, Tottenham,minkejja r-rebħa, mhumiex se jkunu fost il-klabbs Ingliżi fl-Ewropa peress li huma spiċċaw fit-tmien post tal-Premier League għall-ewwel darba mill-istaġun 2008-09.

Harry Kane poġġa lil Spurs fil-vantaġġ b’xutt b’saħħtu wara biss żewġ minuti, bit-tieni gowl jasal fil-bidu tat-tieni taqsima mid-difensur Pedro Porro. Jack Harrison naqqas id-distakk tal-iskor fis-67 minuta iżda Harry Kane kiseb id-doppjetta persnali tiegħu fis-70 minuta . Lucas Moura kkonkluda l-parttia fil-95 minuta kif ukoll ikkonkludew jum mill-aktar miżerabbli fl-istorja ta’ Leeds United, bil-partitarji jingħaqdu f’għajta waħda għar-riżenja ta’ Andrea Radrizzani minn chairman tal-klabb u li ma kienx preżenti f’Elland Road.

Għall-kuntrarju, Everton setgħu jiċċelebraw wara rebħa diffiċli iżda meritata, 1-0, fuq Bournemouth f’Goodison Park. It-tensjoni kienet tinħass sew waqt il-logħba iżda t-Toffees kienu dejjem fil-kontroll tad-destin tagħhom u l-isplużjoni ta’ ferħ li laqgħet il-gowl ta’ Aboulaye Doucoure fis-57 minuta pattiet għall-frustrazzjoni li kellhom isofru l-partitarji ta’ Everton tul l-istaġun.

Ir-rebħa tfisser ukoll li Everton żammew ir-rekord bħala klabb li ma kien irrelegat qatt mill-ogħla diviżjoni iżda huma kellhom jissapportu għaxar minuti ta’ ħin miżjud fit-tieni taqsima qabel setgħu jikkonfermaw li se jestendu l-preżenza tagħhom f’dan il-kampjonat wara 69 sena fl-ogħla livell tal-futboll Ingliż.

Aston Villa ikkwalifikaw għall-Ewropa għall-ewwel darba fi 13-il sena b’rebħa, 2-1, fuq Brighton f’Villa Park. Intant, il-Villains aċċertaw mis-seba’ post fil-Premier League u li jfisser li huma se jkunu qed jipparteċipaw fl-Europa Conference League għall-ispejjeż ta-Tottenham u wara li qabżuhom b’punt wieħed.
L-ewwel gowl ta’ Villa wasal minn Douglas Luiz minn assist ta’ Jacob Ramsey, b’Ramsey ikun anki involut fit-tieni gowl skurjat minn Ollie Watkins qabel in-nofs-siegħa. Ħames minuti qabel il-mistrieħ klien imiss lil Undav li sab ix-xibka tal-Villains fuq il-freekick ta’ pascal Gross – u bil-gowl ikun ikkonvalidat wara konsultazzjoni mal-VAR.

Brentford għelbu liċ-Champions Manchester City b’gowl uniku skurjat minn Ethan Pinnock ħames minuti mit-tmiem u meta s-Citizens ma kellhom assolutament l-ebda interess f’din il-logħba wara li aċċertaw minn titlu ieħor ta’ Champions.
Intant, din kienet l-ewwel telfa għal City wara 25 logħba, għalkemm ir-rebħa tal-Bees ma kenitx biżżejjed biex huma jikkwalifikaw għall-Europa Conference peress li huma spiċċaw b’distakk ta’ żewġ punti ma’ Aston Villa.

Arsenal, sellmu lill-istaġun b’rebħa kbira, 5-0, fuq Wolves fl-Emirates Stadium. Il-logħba kienet prattikament bla storja u l-Gunners skurjaw kważi kif riedu, bil-gowls jaslu minn Xhaka fil-11 u l-14-il minuta, filwaqt li Bukayo Saka sab ix-xibkwa wara27 minuta u Gabriel Jesus wara 59 minuta kif ukoll gowl mid-difensur Kiwior.

Manchester United li qed iħejju għall-finali tal-FA Cup kontra Manchester City, għalqu l-impenji tal-istaġun fit-tielet post b’rebħa, 2-1 fuq Fulham f’Old Trafford. Fulham marru fil-vantaġġ minn Kenny Tete fis-19-il minuta, b’Mitrovic, imbagħad jitlef iċ-ċans li jirdoppja minn penalty li kien salvat mill-gowlkiper David de Gea. Minn dak il-ħin, United tjiebu ferm fil-logħob, b’Jadon Sancho wara 39 minuta logħob jagħmilhom 1-1 fuq xogħol tajjeb minn Fred u bil-gowl tar-rebħa jasal minn Bruno Fernandes fil-55 minuta wara assist ieħor ta’ Fred.

Chelsea u Newcastle United spiċċaw fi draw, 1-1, fi Stamford Bridge, bil-Geordies jikkonsolidaw ir-raba’ post tal-klassifika wara staġun impressjonanti. Kienu fil-fatt Newcastle li marru fil-vantaġġ wara 9 minuti minn Anthony Gordon iżda l-autogowl ta’ Trippier fis-27 minuta kien ifisser punt għal Chelsea li qed jaħsbu diġà biex ipattu għal staġun diżappuntanti ieħor fejn spiċċaw fit-12-il post tal-klassifika.

Draw ieħor kien dak f’Selhurst Park, 1-1, bejn Crystal Palace u Nottingham Forest li kienu salvaw posthom ġimgħa qabel b’rebħa fuq Arsenal. Kienu fil-fatt Forest li kisbu l-vantaġġ minn Taiwo Awoniyi wara nofsija logħob, b’Will Hughes jikseb id-draw għal Palace fis-66 minuta ta’ logħba divertenti bi ftit interess għaż-żewġ tims.

L-aħħar logħba għal Southampton bħala tim tal-Premier League ipproduċiet tmien gowls, bis-Saints u Liverpool jieħdu punt kull wieħed minn dro ta’ 4-4. Ir-Reds kisbu vantaġġ doppju minn Diogo Jota u Firmino fl-ewwel kwart logħob iżda spiċċaw maħsudin mis-Saints li skurjaw erba’ gowls minn James Ward-Prowse, Sulemana li sab ix-xibka fuq żewġ okkazjonijiet u Armstrong fil-64 minuta. Imbagħad kien imiss lil Liverpool li jiskurjaw żewġ gowls f’żewġ minuti minn Gakpo u Jota f’temp ta’ żewġ minuti biex jagħlqu l-istaġun fil-ħames post tal-Premier League.