Għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali ta’ Ġunju tas-sena d-dieħla, Robert Abela jrid biss Sindki u Kunsillieri li jkunu jħarsu minn isfel għal fuq… ċioè lejh u li jkunu “yes man” għal dak kollu li jgħid u jagħmel. Jiġifieri mhux politika li ġejja minn fuq u minn isfel u b’taħlit ta’ ideat, iżda politika ġejja minn fuq u imposta fuq ta’ taħt.
Ta’ Kastilja qed jesiġu fuq it-Tmexxija tal-Partit Laburista li jkunu ċerti li l-kandidati approvati jkunu mill-alleanza tiegħu u mhux kandidati li joqogħdu jistaqsu ħafna. Irid biss li dawn ikunu kandidati leali lejh u li ma joqogħdux jargumentaw dwar temi imbarazzanti.
Sorsi infurmati fi ħdan il-Partit Laburista li tkellimt magħhom aktar kmieni din il-ġimgħa qaluli li fil-verità l-Partit Laburista ta’ Robert Abela qiegħed jissokta jimbarka fuq programm ta’ tqaċċit, żbir u ‘qtugħ tal-irjus’ ta’ Sindki u Kunsillieri Laburisti attwali fid-diversi Kunsilli Lokali mxerrda ma’ Malta u Għawdex.
Hi ċara daqs il-kristall l-aġenda ta’ Robert Abela… ċioè li ma jridx Sindki u Kunsillieri ġenwini u onesti li jħossuhom liberi li jagħmlu kritika kostruttiva interna, fosthom kontra l-iżvilupp bl-addoċċ, l-imminar tal-ambjent madwarna, il-ħtieġa ta’ governanza tajba u li kulmin ikun f’ċerti karigi jkun akkontabbli.
Robert Abela u t-Tmexxija attwali tal-Partit Laburista diġà għandhom diffikultà serja biex se jikkomunikaw mal-membri li jiffurmaw il-Kabinett tal-Ministri u mal-Grupp Parlamentari Laburista fejn hemm diverġenzi kbar… apparti mid-diverġenzi li għandhom ukoll biex jikkomunikaw u jikkuntentaw lid-Delegati Laburisti li fosthom mhux biss hemm qasmiet notevoli imma anki fazzjonijiet varji.
Għalhekk l-ewwel tarf li Robert Abela, Ramona Attard, Daniel Micallef u Randolph Debattista ddeċiedew li jaqbdu hu proprju dak li jikkonċerna lis-Sindki u lill-Kunsillieri proprju sena lil hinn mill-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.
Il-linja ta’ ħsieb ta’ Robert Abela u l-bella kumpanija hi li minn issa jdgħajfu lil dawk is-Sindki u lil dawk il-Kunsillieri Laburisti li jfittxu s-sewwa aktar milli jfittxu l-partiġġjaniżmu; lil dawn is-Sindki u lil dawk il-Kunsillieri li ma jarawx bħaż-żwiemel skont kif jagħmillhom l-għamad Robert Abela.
Għaliex mhux is-Sindki u l-Kunsillieri Laburisti kollha huma “Ġaħan”. Hemm minnhom li huma ġenwini u onesti u jridu l-ġid ta’ Malta u Għawdex qabel kull kunsiderazzjoni oħra. Naturalment din mhix il-politika ta’ Robert Abela li l-ewwel interessi tiegħu huma ffukati biss biex isalva ġildu u biex ikopri l-interessi ta’ ċerti persuni allegatament involuti fil-kriminalità u fil-kriminalità organizzattiva.
Dak li qed jiġri f’lokalitajiet bħall-Qala u x-Xgħajra f’Għawdex, fil-Belt Valletta, f’Ħal Qormi, fil-Gżira, f’Ħ’Attard u fil-Mellieħa hu eżempju klassiku ta’ dak li qed jagħmel Robert Abela u t-Tmexxija tal-Partit Laburista indotrinata minnu.
Diġà tajru bl-aktar mod umiljanti lis-Sindku tax-Xgħajra Christian Zammit għaliex dan voċiferu kontra l-ħerba lill-ambjent u kontra l-korruzzjoni.
Fil-konfront tas-Sindku Laburista tal-Belt Valletta Alfred Zammit fejn l-għajnuna lill-Viċi Sindku Ray Azzopardi hi sfaċċata u tmur lilhinn minn kull etika politika… jekk hux ukoll tkopri l-abbuż ta’ fondi pubbliċi.
Imbagħad hemm l-issue tal-Gżira fejn is-Sindku Conrad Borg Manchè – li ħareġ qatta’ bla ħabel biex jipproteġi l-ġnien tal-Gżira milli jkun sfigurat b’pompa tal-petrol – sab lit-Tmexxija Laburista takkużah li qed jagħmel ħsara lill-Partit.
L-istess fir-rigward ta’ dak li qed jiġri f’Ta’ Farsina f’Ħal Qormi fejn is-Sindku Josef Masini Vento ilu qatigħ jaħdem biex art massiċċa ma titħalliex tkun żviluppata b’detriment għar-residenti taż-żona u issa spiċċa fil-mira li jitwarrab.
Anki f’Ħ’Attard għandna storja simili fejn il-Kunsillieri Laburisti, fosthom il-Kunsillier Victor Galea, qed jappoġġjaw lis-Sindku u lil-Kunsillieri Nazzjonalisti fil-ġlieda tagħhom għal aktar sigurtà fit-toroq tal-lokalità bi Transport Malta tgħidilhom li għadha qed tagħmel l-istudji! L-istess Kunsillieri Laburisti jiddeskrivu dak li qed jiġri fit-toroq ta’ Ħ’Attard bħala “tal-mistħija”… aktar u aktar wara l-mewta traġika ta’ bħal-lum ġimgħa. Imma għal Robert Abela dan kollu hu tfixkil bla bżonn.
L-istess fil-konfront ta’ membri Laburisti fil-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u fiż-Żurrieq għaliex skont it-Tmexxija tal-Partit Laburista dawn mhumiex effettivi fil-Kunsilli rispettivi fejn iserju.
Fir-rigward tal-Mellieħa l-Gvern ta’ Robert Abela jrid ibiegħ art fiż-żona tal-Qortin biex tkun tista’ tiġi żviluppata b’detriment għal-lokalità tal-Mellieħa li hi diġà popolata ħafna.
Simili ħafna s-sitwazzjoni fiż-Żurrieq fejn Kunsillieri Laburisti ma jaqblux li sit f’ODŻ ieħor jingħata għall-iżvilupp bil-possibbiltà li firxa ta’ għelieqi se jkomplu jinqerdu. Hawnhekk qed nitkellmu dwar firxa ta’ ċirka 15,000 metru kwadru fin-Nigret.
Sorsi infurmati li tkellmu ma’ Il-Mument żvelaw magħna li l-ossessjoni ta’ Robert Abela li jissokta jagħmel minn Malta, u possibbilment minn Għawdex ukoll, blokka konkrita waħda qed turta lin-nies, inkluż lil-Laburisti u jeħtieġ li din it-tip ta’ politika titwaqqaf għaliex il-ġenerazzjonijiet futuri, jekk nibqgħu sejrin hekk, se jkollhom fervur biex iħallu pajjiżna u jsibu futur lilhinn minn xtutna ferm aktar milli għandhom iż-żgħażagħ tal-lum!
//= $special ?>