Lokali

22 trekker jieħdu sehem fil-LifeWalk Challenge, għall-pazjenti b’kundizzjonijiet renali

LifeWalk Challenge, inizjattiva tal-LifeCycle (Malta) Foundation, bdiet bil-parteċipanti jitilqu minn Malta lejn l-Ingilterra fid-29 ta’ Mejju. L-isfida ta’ 145 kilometru ta’ trekking, li tinsab fit-tielet edizzjoni tagħha, se tkun mifruxa fuq erbat ijiem. Il-LifeWalk Challenge saret għall-ewwel darba fl-2021, bħala inizjattiva ta’ sapport u biex jinġabru fondi għar-Renal Unit, wara li l-pandemija tal-COVID-19 ħassret il-LifeCycle Challenge annwali.

22 individwu se jkunu qed jittantaw li jimxu t-tul tal-fortifikazzjoni magħrufa bħala Hadrian’s Wall.  Din il-fortifikazzjoni Rumana, li hija sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO, tifrex fit-Tramuntana tal-Ingilterra, minn Bowness on Solway, fuq il-kosta tal-Punent, sa Wallsend fi Newcastle fuq il-kosta tal-Lvant.

Il-mixi tul din ir-rotta storika għal 7-8 sigħat kuljum hija pjuttost ta’ sfida, iżda hija destinazzjoni popolari man-nies minn kull qasam tal-ħajja, kemm għal motivazzjonijiet ta’ storja u kultura, ambjent u xenarju, kif ukoll motivazzjonijiet ta’ sfidi fiżiċi u personali.

L-għan tal-parteċipanti tal-LifeWalk Challenge huwa li jiġbru fondi għall-inizjattivi tal-LifeCycle (Malta) Foundation b’risq pazjenti renali, biex jappoġġjaw ir-riċerka medika u jqajmu kuxjenza dwar il-mard renali. Il-LifeCycle (Malta) Foundation hija organizzazzjoni reġistrata mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji. Hija l-unika organizzazzjoni volontarja li tiġbor fondi biex tappoġġja lill-pazjenti tal-kliewi f’Malta u Għawdex, u tikkollabora kontinwament mar-Renal Unit tal-Isptar Mater Dei u mat-tim ta’ għarfien dwar il-mard tal-kliewi tal-Università ta’ Malta fi ħdan ir-Research Trust tal-Università (RIDT).

Minn mindu twaqqfet fl-1999, il-Fondazzjoni ġabret ‘il fuq minn €3.2 miljun. L-inizjattivi tagħha ta’ ġbir ta’ fondi jilħqu l-qofol tagħhom fil-LifeCycle Challenge, sfida ta’ 2,000km ta’ ċikliżmu u reżiljenza li saret għall-ewwel darba fis-sena 2000, u li minn dak iż-żmien saret appuntament annwali fil-kalendarju tal-isport lokali u tal-avvenimenti tal-karità.

Il-LifeCycle Challenge 2023 se ssir fit-Tajlandja u l-Malasja bejn is-26 ta’ Novembru u s-6 ta’ Diċembru, bit-tim ta’ ciklisti jkopru rotta ta’ 2,000 kilometru f’10 ijiem.

Donazzjonijiet lil-LifeCycle (Malta) Foundation jistgħu jsiru permezz ta’ Revolut fuq 9932 9101, permezz ta’ PayPal fuq din il-link: https://buff.ly/35g17CC u permezz ta’ SMS: 5061 7370 għal €2.33; 5061 8920 għal €6.99; 5061 9229 għal €11.65; jew permezz ta’ telefonata fuq 5160 2020 għal €10; 5170 2005 għal €15; u 5180 2006 għal €25.

Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur https://lifecyclefoundation.com jew https://www.facebook.com/LifeCycleChalleng