Ambjent Lokali

Il-PN b’konsultazzjoni pubblika biex jintroduċi l-Ambjent bħala Dritt Fundamentali tal-Bniedem fil-Kostituzzjoni

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li hemm bżonn ta’ aktar responsabbiltà u kontabbiltà fid-deċiżjonijiet amministrattivi tal-Gvern dwar l-ambjent Malti.

F’pajjiżna daħlet użanza li, dwar deċiżjonijiet li jolqtu l-Ambjent jiddeċiedi biss il-Gvern u ħadd aktar ma jista’ jagħmel xejn.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li pajjiżna qatt ma ra sfreġji ambjentali u deċiżjonijiet li jittieħdu kontra l-interess pubbliku daqs dawn l-aħħar snin, minkejja ħafna wegħdiet u propaganda li xi darba se jsir xi ħaġa favur l-Ambjent.
Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista beda kampanja ta’ konsultazzjoni pubblika ma’ numru ta’ għaqdiet ambjentali, fejn qed jistieden lil kull min hu ta’ rieda tajba biex jersaq bis-suġġerimenti tiegħu dwar kif tista’ titjieb l-amminstrazzjoni pubblika dwar l-Ambjent.

Fl-aħħar ta’ din il-konsultazzjoni pubblika, il-Partit Nazzjonalista se jippreżenta quddiem il-Parlament Malti Abbozz ta’ Liġi biex jemenda l-Kostituzzjoni u jintroduċi għall-ewwel darba “Id-Dritt għall-Ambjent bħala dritt fundamentali tal-bniedem”.

Sal-lum, hemm biss dikjarazzjoni li l-Gvern irid jipproteġi l-ambjent. Iżda b’din l-emenda, jingħata d-dritt għall-infurzar ta’ dritt fundamentali tal-bniedem, u allura l-ogħla livell ta’ protezzjoni possibbli, lill-Ambjent.
Dan ifisser emenda li ġġib bidla radikali f’pajjiżna, kemm dwar il-mod kif nipproteġu l-Ambjent Malti, kif ukoll dwar skrutinju fuq id-deċiżjonijiet ambjentali tal-Gvern.

Permezz ta’ din il-konsultazzjoni pubblika, filwaqt li se jkompli jisma’ lill-poplu u lill-għaqdiet non-governattivi li jridu azzjoni u responsabbiltà għad-deċiżjonijiet ambjentali, il-Partit Nazzjonalista qed:

  • Jagħmel dikjarazzjoni ċara u inekwivoka tal-impenn biex nipproteġu l-Ambjent Malti
  • Itejjeb il-kwalità tal-ħajja għall-popolazzjoni Maltija u l-ġenerazzjonijiet li ġejjin
  • Joffri protezzjoni u jikkonserva l-arja, l-art u l-ilma
  • Jagħti protezzjoni lil-biodiversità u lill-ekosistemi
  • Jintroduċi kontabbiltà u responsabbiltà mill-Gvern u mill-awtoritajiet relattivi fi kwistjonijiet ambjentali
  • Jappoġġja żieda fl-involviment pubbliku fil-governanza ambjentali
  • Jippromwovi edukazzjoni fir-rigward tal-Ambjent
  • Jappoġġja prattika tajba biex ikollna Ambjent li kapaċi jsostni s-soċjetà umana u t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem
  • Itejjeb il-koperazzjoni ma’ pajjiżi oħrajn għall-isforz globali favur il-protezzjoni tal-Ambjent.

Iżda biex nagħmlu dan kollu, irridu bidla radikali fil-Liġi tagħna, kif ukoll bżonn ta’ għodda b’saħħitha. Dan hu pass ieħor kif il-Partit Nazzjonalista, bil-fatti u mhux bil-kliem biss, irid itejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ kull persuna li tgħix f’Malta u tal-ġenerazzjonijiet futuri.