Lokali

Il-Pulizija għaddejja bi tfittxija hekk kif ħalliel ħarab mill-post wara li seraq flus kontanti minn ħanut

Il-Pulizija għaddejja bi tfittxija għall-ħalliel wara li daħal jisraq f’ħanut tal-logħob f’San Pawl il-Baħar.

Is-serqa seħħet it-Tnejn għall-ħabta ta’ 12:00 hekk kif il-Pulizija ġiet infurmata li kienet seħħet serqa minn ħanut tal-logħob fi Triq il-Qroll, f’San Pawl il-Baħar.

Il-Pulizija marret fil-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li raġel mgħammad u armat b’sikkina, daħal fil-ħanut u talab il-flus lill-impjegata, żagħżugħa ta’ 21 sena. L-allegat ħalliel ħarab mill-post wara li seraq ammont ta’ flus kontanti.

Ħadd ma weġġa’, bil-Pulizija għaddejja bit-tfittxija għall-ħalliel.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Elaine Mercieca u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.