Internazzjonali

In-Niġerja: Mandat ġdid ta’ tmexxija…fost diversi problemi fuq livell nazzjonali

Bola Tinubu, fl-aħħar sigħat, ħa l-ġurament bħala l-President ġdid tan-Niġerja li hi l-akbar demokrazija fil-kontinent tal-Afrika. Dan wara li Tinubu, li għandu 71 sena, kien rebaħ l-elezzjoni ta’ Frar bil-wiegħda li ‘iġedded it-tamiet tan-Niġerjani’ – avolja hu se jkun qed jiffaċċja l-isfidi kbar minn aspett ekonomiku u fejn tidħol is-sigurtà tal-poplu.

Għaċ-ċerimonja tal-ġurament, f’Abuja, attendew i l-personalitajiet distinti minn madwar il-kontinent u li l-preżenza tagħhom irriflettiet is-sinifikat tal-okkażjoni.

Bola Tinubu qed jieħu r-riedni tal-pajjiż minn idejn Muhammadu Buhari – il-President Niġerjan għall-aħħar żewġ mandati  — bin-Niġerja qed tiffaċċja rati għoljin tal-inflazzjoni u livelli ta’ djun rekord. Dan ukoll meta n-Niġerja qed tipprova tikkontrolla lill-gruppi kriminali fi ħdanha li qegħdin jaħtfu lin-nies bl-iskop ta’ rahan – u liema każi żdiedu sew fl-aħħar xhur.

Ir-rebħa elettorali ta’ Tinubu qed tkun ikkuntestata mill-eqreb rivali politiċi li qegħdin jinsistu li r-riżultat tal-elezzjoni kien imbagħbas favur tiegħu.

Iżda Muhammadu Buhari, ftit qabel spiċċa mill-Presidenza (u li ma kkuntestax din l-elezzjoni) — insista li r-riżultat kien wieħed ‘kredibbli’ u li l-vot għall-President ġdid kien wieħed ‘ħieles u trasparenti’.