Lokali Qorti

Irrevokata sentenza ta’ sena ħabs u multa fuq droga fil-konfront tal-“Quws”

Il-Qorti tal-Appell Kriminali laqgħet l-appell ta’ Melvin Debono ta’ 31 sena magħruf bħala “Il-Quws” fejn ġie lliberat minn kundanna ta’ sena ħabs u multa ta’ €1,000.b’rabta ma’ droga kokaina f’ċirkostanzi li ma kinitx għal użu personali tiegħu. Dan wara li l-Prosekuzzjoni naqset li tipproduċi provi konkreti dwar ir-reati allegati mill-prosekuzzjoni fejn xhieda mportanti u ċirksotanzi oħra ma ġewx ipprovduti lill-Qorti.

L-ewwel Qorti kienet ikkundannat lil Debono minn Raħal Ġdd u residenti l-Isla fejn bħala prova l-prosekuzzjoni kienet pproduċiet tliet mobiles u xi messaġġi li kien hemm b’mod partikolari fuq wieħed minnhom. Madankollu wieħed mill-mobiles, l-aktar importanti li ġie interċettat minn fuq Debono waqt li kien fil-karozza ma ġiex ippreżentat bħala prova.

Punt ieħor kien li oġġetti relatati mad-droga u droga li nstabet f’residenza, kienet fil-kamra fejn jorqod ħu t-tfajla ta’ Debono u li l-ammont ta’ din id-droga ma kienx jammonta għal preżunzjoni ta’ traffikar, imma għal użu personali. Debono, kien twaqqaf mill-Pulizija fl-20 ta’ Frar, 2016 meta kien qed isuq karozza u bejn is-seats kien hemm kontenitur tal-metal li fih kien hemm tmien qratas li kienu jikkontjenu sustanza bajda.

L-Imħallef Aaron Bugeja qal fis-sentenza tiegħu li Prosekuzzjoni ma preżentatx xi evidenza ulterjuri li turi rabta diretta u konkreta bejn Debono u kaxxa tal-metall u l-qratas li kien hemm fiha, bħal per eżempju, billi jsiru testijiet għal traċċi tas-swaba fuq l-istess kontenituri jew traċċi oħra ta DNA li setgħu jorbtuh  direttament ma’ dik id-droga.

Dan kollu indipendentement mill-istqarrija li huwa rrilaxxja lill-pulizija. Minħabba f’hekk ukoll ladarba l-istqarrija rilaxxjata mill-appellant ma tistax tiġi użata, il-Qorti qalet li ma tistax tasal tikkonkludi li l-Qorti tal-Maġistrati kellha prova soda li turi rabta sikura mhux biss bejn dik il-vettura u l-istess Debono, iżda iżjed minn hekk bejn dik id-droga misjuba f’dik il-vettura u Debono.

Barra minn hekk la t-tfajla tiegħu – Maryrose Micallef u l-anqas ħuha Devison Micallef ma ġew prodotti biex jixhdu f’dan il-każ. Lanqas ma tressqet prova ta’ xi investigazzjoni magħmula li setgħet tiggarantixxi b’mod sikur li dik id-droga misjuba fil-vettura kienet sabet ruħha hemmhekk mill-mument illi l-Pulizija setgħu josservawlil Debono jieħu l-kontroll tal-vettura, li ma kinitx tiegħu.

Fi ftit kliem ma hemmx prova li turi b’mod ċert li hemm rabta bejn id-droga misjuba fil-vettura Pajero u l-użu u l-kontroll effettiv tagħha u tad-droga innifisha. Il-Qorti tal-Appell qalet li apparti minn hekk, il-kwantita’ ta’ droga misjuba, minkejja li kienet imqassma fi tmien boroż, kellha piż totali ta’ 2.468 grammi, kwantità ferm baxxa sabiex jista’ jingħad li tali ċirkostanza waħidha tista’ titqies indikattiva li tali sustanza ma kinitx intiża għall-użu personali.

Huwa minnu illi kif stqarret l-Ewwel Qorti li din il-kwantita’ ta’ droga misjuba kienet imqassma fi tmien boroż liema fatt jagħti indikazzjoni li donnha setgħet kienet lesta sabiex tiġi traffikata. Ġie wkoll pruvat li wħud mill-boroż kellhom indikazzjoni b’tikka ħamra fuqhom. Iżda tali ċirkostanza mhix korraborata bi provi oħra li jistgħu wkoll univokament jagħtu indikazzjoni ċara u unika ta’ intenzjoni ta’ traffikar.

Il-Pulizija waslet għal xi forma ta’ spjegazzjoni dwar dawn it-tikek ħomor biss minn dak li skont l-Ispettur Malcolm Bondin qalilhom Davison Micallef. Iżda kif ingħad dan qatt ma ttella’ jixhed mill-Prosekuzzjoni. Il-Pulizija sabet ukoll l-ammont ta’ €410. Iżda l-anqas ġiet stabbilita rabta soda bejn dawn il-flus, Debono jew l-oriġini ta’ dawn il-flus bħala li kienu ġejjin mill-bejgħ ta’ droga.

Prova oħra li ġiet preżentata lill- Qorti tal-Maġistrat kienet konsistenti fil-mobiles. Jirriżulta li l-Ispettur Malcolm Bondin esebixxa tliet mobile phones tnejn tad-ditta Samsung u wieħed tad-ditta Nokia. Fix-xhieda tiegħu l-Ispettur Bondin isemmi kif mir-residenza fejn saret tfittxija wara li Debono twaqqaf ġewwa l-Marsa ġew elevati l-mobile phones.

Filwaqt li numru ta’ uffiċjali tal-Pulizija qalu li elevaw mobile phone meta waqqfuh bil-vettura tiegħu. Surġent tal-Pulizija qal li sa fejn jaf hu ma ġew qatt elevati mobile phones oħra minn imkien ieħor, għajr dak li ġie elevat minn fuq il-persuna tiegħu dakinhar li twaqqaf minnhom ġewwa l-Marsa.

Mhux ċar x’ġara minnu dan il-mobile phone. Il-Qorti tal-Appell qalet li għandu raġun Debono jilmenta li dan il-mobile phone li ġie elevat mill-Pulizija minn fuq il-persuna tiegħu ma ġie qatt esebit fl-atti. Mill-istqarrija tal-appellant – ma jistgħux jitqiesu li jippuntaw f’direzzjoni waħda li turi rabta konkreta bejnu u d-droga misjub fil-vettura li kienet qegħda tiġi misjuqa minnu fil-preżenza ta’ Mary Rose Micallef dakinhar tas-sejba. I

L-Imħallef Aaron Bugeja qal li l-Qrati ta’ Ġustizzja Kriminali ma jistgħux jaslu għal konklużjonijiet billi joqgħodu fuq assunzjonijiet, iżda jistgħu jaslu għal konklużjonijiet bażati biss fuq provi sodi u liema konklużjonijiet ikunu jistgħu iwasluhom għal ċertezza fuq il-ħtija fil-grad lil hinn minn kull dubju dettat mir-raġuni. Għaldaqstant il-Qorti laqgħet l-appell li kien preżentat mill-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri b’Debono jiġi lliberat.