Ekonomija Lokali

Pressjoni biex it-taxxa fuq il-COLA “titneħħa”

Fis-sitwazzjoni li ninsabu fiha, bl-inflazzjoni tkompli terfa’ rasha hemm bżonn li npoġġu bilqiegħda madwar mejda u jekk il-proposti ma jidħlux fis-seħħ f’daqqa tal-inqas nibdew nintroduċuhom fi stadji.

Sostnew dan il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM-Voice of the Workers Josef Vella flimkien mad-Deputat Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union Kevin Camilleri waqt il-programm Net Live fejn iż-żewġ unions tal-ħaddiema f’pajjiżna qed jaqblu wkoll ma dak li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista fejn qed jappellaw sabiex il-Gvern ta’ Robert Abela jieqaf jintaxxa l-għajnuna tal-għoli tal-ħajja.

Josef Vella insista li l-proposta tal-UĦM hija l-COLA m’għandhiex tiġi intaxxata għaliex spjega li din l-għajnuna hija sempliċiment rifużjoni fuq prodotti u servizzi li l-familji Maltin u Għawdxin diġà ħalsu t-taxxa fuqhom.

Huwa saħaq li deċiżjoni bħal din tista’ twassal għal mijiet ta’ ewro oħrajn f’idejn il-poplu Malti u Għawdxi. Dan filwaqt li insista li l-UĦM qed issostni li l-Gvern m’għandux jibqa’ jaqta taxxa fuq il-bolla. Josef Vella qal li ma jistax ikun li l-Gvern jaqtalek 10% tal-paga u jintaxxak fuq il-gross.

Huwa saħaq li jekk ħaddiem jaqla kumplessivament €20,000…u l-Gvern jeħodlok €2,000….il-ħaddiem qed ikun intaxxat fuq l-€20,000.

Josef Vella insista li preżentament jidher li l-Gvern qed jagħmel il-homework tiegħu u kollox qiegħed jindika li tali deċiżjonijet se jwasslu sabiex inevitabbilment id-dħul tiegħu jkun se jonqos.

Mill-banda l-oħra, Kevin Camilleri sostna li tali deċiżjonijiet jekk jittieħdu jwasslu sabiex il-ħaddiem ikollu aktar flus f’butu. Huwa saħaq li s-sena d-dieħla jidher li l-għajnuna tal-COLA se tiżdied…iżda dan se jwassal sabiex l-impjegati jaqbdu nqas paga bis-sistema attwali.

Kevin Camilleri appella sabiex illum qabel għada jpoġġu madwar mejda u jiġu meħuda d-deċiżjonijiet li hemm bżonn qabel ikun tard wisq.

Huma insistew li tali kwistjoni m’għandhiex tittieħed fin-negattiv, li ma tistax issir, iżda l-Gvern għandu jiprova jara kif jista jimplimenta fuq numru ta’ snin, billi tal-inqas jibda ma dawk li jinsabu fuq il-low income bracket.