Għaddej ġmielu xogħol ta’ restawr estensiv fuq is-sur u l-bieb ta’ Santa Liena fis-swar ta’ Santa Margerita f’Bormla b’investiment ta’ €1,000,000.
Il-ħitan tal-fortifikazzjoni nbnew fis-seklu tmintax iżda matul is-snin, kien hemm żoni fejn il-ġebel iddeterjora u għalhekk dan se jiġi sostitwit biex ma ssirx aktar ħsara u jkun protett il-patrimonju ta’ pajjiżna.
Ix-xogħlijiet ta’ restawr bdew f’April u għandhom jiġu implimentati fi żmien 15-il xahar bħala parti mill-programm ta’ xogħlijiet imwettqa mid-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni.
Il-proġett qed isir f’fażijiet matul il-275 metru ta’ ħitan ta’ fortifikazzjoni u se jinkludi wkoll il-bieb ta’ Sant’Elena. Ix-xogħolijiet jikkonsistu fit-twaqqif tal-armar, tindif ta’ ġebel li qed ifarfar, preservazzjoni tal-patina oriġinali kull fejn huwa possibbli, tneħħija ta’ tikħil li sar bis-siment, konsolidazzjoni u mili tal-fili b’taħlita li fiha l-ġir idrawliku.
Partijiet min-naħa ta’ fuq tal-fortifikazzjoni kienu ġarrbu ħsarat matul it-Tieni Gwerra Dinjija u dawn issa se jinbnew mill-ġdid. Apparti dan, partijiet mill-faxex ta’ fuq li tmermru, u l-ġebel li iddeterjora min-naħa ta’ ġewwa se jiġu sostitwiti b’faxex u ġebel ġdid.
Hemm ukoll sezzjonijiet ta’ blat li nqasmu f’waħda mill-faċċati tal-foss u dawn qed jiġu stabilizzati b’teknika ta’ rbit ma’ blat li huwa aktar sod bl-użu ta’ studs magħmulin apposta.
//= $special ?>