Futbol Sport

Kylian Mbappé rebbieħ tal-aqwa plejer ta’ Ligue 1

Il-plejer internazzjonali Franċiz, Kylian Mbappé kien ivvutat bħala l-plejer tas-sena ta’ Ligue 1 għar-raba’ staġun konsekuttiv. Mbappé rebaħ dan l-unur il-Ħadd filgħaxija, l-għada li l-klabb tiegħu, Paris Saint-Germain rebħu l-Kampjonat Franċiż għall-11-il darba fl-istorja tagħhom.

Matul dan l-istaġun, fil-Kampjonat domestiku Mbappé skorja 28 gowl, biex b’hekk għal staġun ieħor suċċessiv, l-attakkant ta’ 24 sena temm fl-ewwel post fil-lista tal-aqwa skorers.

Dan l-istaġun, Mbappé skorja total ta’ 40 gowl fid-diversi kompetizzjonijiet li lagħab fihom ma’ PSG. Fit-tmiem tal-istaġun li għadda, l-istilla Franċiża ġedded il-kuntratt tiegħu ma’ PSG għal tliet snin oħra wara li rrifjuta offerta li kienet saret lilu minn Real Madrid ta’ Spanja.

Bir-rebħ ta’ dan l-unur għar-raba’ darba fil-karriera tiegħu, Mbappé sar l-ewwel plejer mill-1994 li rebaħ dan l-unur għal total ta’ erba’ darbiet. B’hekk Mbappe ssupera r-rekord tal-eks plejer ta’ PSG, Zlatan Ibrahimovic li rebaħ dan l-istess unur tal-aqwa plejer tas-sena ta’ Ligue 1 fi Franza għal tliet darbiet.

Franck Haise rebaħ l-unur tal-aqwa kowċ tas-sena, wara li dan l-istaġun mexxa lit-tim ta’ Lens għat-tieni post fil-klassifika finali, liema pożizzjoni fissret ritorn għall-klabb fil-UEFA Champions League tal-istaġun li ġej wara xejn inqas minn għoxrin sena.

Unuri oħra ntrebħu mill-goalkeeper ta’ Lens, Brice Samba u mill-left back ta’ PSG, Nuno Mendes rebbieħ tal-aqwa plejer żagħżugħ tal-istaġun.