Internazzjonali

L-Italja: Jistennew l-identifikazzjoni tal-vittmi tad-dgħajsa fil-Lago Maggiore

L-awtoritajiet Taljani għadhom ma ħarġux l-identità ta’ erba’ persuni li tilfu ħajjithom fl-għarqa ta’ dgħajsa fil-Lago Maggiore lejn in-naħa ta’ fuq tal-Italja. Id-dgħajsa, li kellha fuqha ‘il fuq minn 20 passiġġier, fil-parti kbira turisti, inqalbet waqt li kienet qed tivvjaġġa bejn l-ibliet ta’ Sesto Calende u Arone, bl-inċident iseħħ tard matul il-lejl tal-Ħadd.

Ir-rapporti mhumiex ikkonfermati qalu li l-passiġġieri kienu jinkludu l-Britanniċi, Taljani u anki xi ċittadini ta’ Iżrael. Intant, magħruf li talanqas ħames persuni li kienu salvati mill-ilma ttieħdu l-isptar għall-kura aktar tard għalkemm ma ngħatawx wisq dettaji.

Il-President tar-reġjun tal-Lombarfdija, Attilio Fontana, qal li t-traġedja kienet dovuta għall-maltemp u li d-dgħajsa inkwistjoni kienet mikrija minn grupp ta’ turisti. Jidher li grupp ta’ madwar 25 kienu ħarġu bid-dgħajsa biex jiċċelebraw għeluq is-snin ta’ wieħed minnhom meta qamet maltempata fiz-zona li żdiedet għal-livell ta’ uragan żgħir u bil-konsegwenza li d-dgħajsa nqalbet ftit wara.

Il-passiġġieri kollha spiċċaw fl-ilma, bil-maġġoranza tal-passiġġieri jgħumu sax-xatt u b’oħrajn jispiċċaw salvati mid-dgħajjes l-oħra fl-istess zona, Aktar tard, waslu fuq il-post l-iskwadri tal-bugħaddasa u ħelikoper biex jgħinu fit-tfittxija għall-passiġġieri rappurtati nieqsa – u fost il-preżenza ta’ diversi ambulanzi, inkluża ambulanza tal-ajru.