Lokali Parlament

L-iżvilupp bla pjan qed jeqred l-ambjent u l-prodott turistiku

Mario de Marco, PN

Id-deputat Nazzjonalista Mario de Marco qal fil-parlament li l-iżvilupp bla pjan qed jeqred l-ambjent u l-prodott turistiku.

Marco de Marco qal li r-riżultati tal-ewwel kwart tas-sena juru li qed isir xogħol tajjeb mill-MTA u mill-operaturi kollha tas-settur. Hu kompla li jeħtieġ attenzjoni fl-ammont ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni u sostna li l-pilastri kollha fis-settur għandhom ikunu kkunsidrati.

Dwar il-prodott, id-deputat Nazzjonalista qal li l-pajjiż irid ikun sensittiv għall-prodott turistiku. B-iżvilupp li qed isir jista’ jkun li tinqatel l-attrazzjoni li ġġib it-turisti lejn il-pajjiż. Kien għalhekk li l-poplu qed jipprotesta dwar l-ambjent, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-iżvilupp li qed isir qed joqtol il-kwalità tal-ħajja fil-pajjiż u l-prodott turistiku.

Mario de Marco semma’ kif gvern Nazzjonalista kien investa fil-Belt b’investiment dirett u bi pjan ħolostiku, inkluż il-bini tal-parlament minn Renzo Piano. Illum il-viżjoni tal-gvern għall-Belt hi dik li tikkompeti ma’ Paceville u mhux ta’ Belt fuq still barokk. Hu sostna li dan qed isir għad-detriment tar-residenti li issa xebgħu mill-istorbju li hemm fil-Belt.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar id-daqq tal-mużika bil-lejl u staqsa jekk din hix il-viżjoni tal-gvern u tal-MTA meta l-MHRA stess qed jgħidu li dan qed joħloq diffikultajiet għall-kwalità ta’ turiżmu li l-Belt tista’ tattira. Hemm nuqqas enormi ta’ infurzar fil-Belt minħabba li donnu l-gvern irid jipproteġi lil xi wħud.

Id-deputat Nazzjonalista semma’ t-turiżmu reliġjuż u kkritika d-diżorganizzazzjoni li kien hemm din is-sena fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fil-Belt. Hu semma’ l-Gżira fejn hemm ħafna lukandi u qal li l-lukandi kollha għandhom ikunu aġevolati.

Mario de Marco kkritika l-ħajt li sar fil-lido tal-Gżira għaliex dan qed itellef il-veduti. Il-Blue Lagoon qed isir eżempju ta’ turiżmu iffullat propju għaliex m’hemm pjan ta’ immaniġġjar.

Dwar iż-żoni ta’ immaniġġjar ta’ turisti, id-deputat Nazzjonalista qal li hemm nuqqasijiet kbar u kkritika l-fatt li m’hemmx pjan għall-użu tal-fondi Ewropej. Hu kkritika l-mod kif qed isir il-proġett tal-Għadira u qal li l-pajjiż mhux jiddiversifika biżżejjed il-prodott turistiku.

Il-gvern għandu jagħti rendikont tan-nefqa ta’ €6 miljuni allokati għal dan is-settur. Dwar il-bajjiet, Mario de Marco qal li hemm densità ta’ nies ’l fuq ferm. Hemm pjan għal bajjiet ġodda, li jsiru iktar bajjiet Blue Fag, biex in-nies jitferrxu iktar, il-pjan għal Bajja fix-Xemxija għadu hemm u xi pjan hemm għall-Blue Economy? staqsa d-deputat Nazzjonalista.

Hu tkellem ukoll dwar ir-riżorsi umani u qal li dan is-settur llum m’għandux jattira ħaddiema Maltin lejh. In-nuqqas ta’ Maltin qed tanqqas mill-esperjenza turistika, sostna Mario de Marco, li staqsa x’se jiġri mill-Air Malta. X’inhi l-viżjoni tal-gvern jekk il-pjani tal-Air Malta jfallu? Għaliex fallew il-pjani tal-Air Malta wara li l-pjan ta’ ristrutturar kien fis-eħħ qabel l-2013? Għaliex l-Air Malta sar każin politiku? Il-Ministru tat-Turiżmu hu konsultat dwar l-Air Malta?

Id-deputat Nazzjonalista kkriitka l-fatt li s-suq Malti sar jiddependi sa 50% tat-turisti fuq linja waħda tal-ajru waqt li l-Air Malta ġġorr 25%. Hu qal li l-gvern għandu jispjega kif qed jintefaq ir-reklamar tal-MTA; dan m’għandux ikun għodda politika tal-gvern. Il-gvern għandu jispjega għaliex il-pagi tal-MTA se jiżdiedu minn €7.1 miljun għal €8.6 miljun.

Mario de Marco enfażizza l-importanza li ma jkunx hemm problemi fl-infrastruttura fosthom influss ta’ drenaġġ kif qed ikun hemm riċentament.