Lokali Parlament

L-MTA għandha tispeċifika fejn qed imorru l-flus għar-riklamar

Robert Cutajar, PN

Il-Whip tal-Oppożizzzjoni d-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar sostna fil-parlament li l-Awtorità tat-Turiżmu (MTA) għandha tispeċifika fejn qed imorru l-flus għar-riklamar.

Robert Cutajar qal li kien Gvern Nazzjonalista li introduċa l-bajjiet Blue Flag u sostna li l-qasam turistiku u dak ambjentali huma marbutin flimkien. Għalhekk jeħtieġ ma jkunx hemm straġi fit-traffiku. Hu semma’ l-promenade tax-Xemxija fejn intefqu €300,000 u li issa x-xogħol kellu jerġa’ jinqala’ b’inkonvinjenti kbar.

Robert Cutajar qal li kien Gvern Nazzjonalista li ġab il-Blue Flag għall-Għadira u appella biex il-gvern ma jitlifx dan l-istat għal din il-bajja. Dwar Kemmuna, Robert Cutajar qal li l-moll tal-Marfa ilu sentejn maqlugħ u staqsa kemm se jintilfu spazji ta’ parkeġġ fil-Pjazza tal-Mellieħa jekk din se ssir żona pedomali għaliex qabel kellu jkun ikkunsidrat fejn se jsir il-parkeġġ. Il-gvern m’għamel xejn fi Triq Ġorġ Borg Olivier fil-Mellieħa fejn hemm diffikultajiet kbar.

Dwar San Pawl il-Baħar hu qal li hemm parti ħdejn it-torri li hi miftuħa u ilha xhur f’dan l-istat. X’inhu l-interess li x-xogħol tal-moll tal-Marfa waqaf ħesrem? L-MTA għandha tispeċifika fejn qed imorru l-flus għar-riklamar, sostna Robert Cutajar.