Internazzjonali

L-Ukrajna: Il-Kremlin ikompli bil-kampanja ta’ intimidazzjoni fil-konfront tal-poplu

Il-Kremlin ta’ Moska qed iżid il-kampanja ta’ intimidazzjoni fil-konfront tal-poplu Ukren, bil-belt ta’ Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna, mill-ġdid tispiċċa mira għad-drones u l-missili tar-Russi.

L-aħħar bumbardamenti fuq Kiev segwew żewġ iljieli konsekuttivi ta’ attakki konsistenti bid-drones – bis-sistemi tad-difiża fil-kapitali jwaqqgħu kważi d-drones kollha li ma ħallew l-ebda impatt sinifikanti għall-insfrastruttura ewlenija fil-kapitali.

Madankollu, l-awtoritajiet fi Kiev qalu li kien possibbli li l-fdalijiet tad-drones imwaqqgħin irriżultaw f’xi midruba wara li niżlu direttament għal fuq iz-zoni residenzjali qrib il-qalba tal-kapitali.

Ir-Russja wettqet sittax-il attakk mill-ajru fuq Kiev mill-bidu ta’ Mejju sallum – bl-aħħar burraxka tkun differenti minn tas-soltu peress li twettqet matul il-ġurnata u fejn ir-Russi dehru qed jikkonċentraw l-aktar fuq iċ-ċentru tal-belt.

L-assalti l-oħra kollha tar-Russja fuq Kiev kienu saru matul il-lejl u fejn ikkonċentraw fuq l-infrastruttura kritika għall-ħajja tar-residenti Ukreni. L-istess assalti, sadanittant, kienu diretti wkoll kontra s-sistemi għad-difiża tal-ajru – inklużi s-sistemi Patriot li l-Ukreni rċevew mingħand l-Istati Uniti – mal-limiti tal-kapitali.

Ir-Russi, waqt l-aħħar attakki fuq Kiev, użaw fost oħrajn il-missili ballistiċi tat-tip Iskander u bis-sorsi militari Ukreni jirreferu wkoll għall-isparaturi tal-missili S-300 u S-400. Dan waqt li l-Kremlin ta’ Vladimir Putin qed jittama li jġib lill-poplu Ukren ‘għar-rkubbtejh’ bil-bumbardamenti ħorox u kontinwi ta’ Kiev u fuq l-ibliet prinċipali l-oħra fl-Ukrajna.

L-awtorijiet fir-reġjuni l-oħra tal-Ukrajna wkoll ħarġu twissijiet għall-allert fost l-istennija ta’ attakki ġodda minn ħin għal ħin. Dan waqt li l-kmandanti militari Ukreni akkużaw lir-Russja b’li biddlet it-tattiċi tal-gwerra bl-iskop speċifiku li tattakka direttament liċ-ċivili fl-Ukrajna.