Lokali Qorti

Libertà kundizzjonata wara li seraq b’€700 laħam minn Supermarket

Albaniż ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jikkommettix reat ieħor fi żmien sentejn wara li ammetta li seraq b’€700 laħam minn Supermarket f’Ħal Balzan fi tmien okkażjonijiet differenti fuq medda ta’ tliet xhur. Klodjan Ranci, ta’ 49 sena, residenti l-Floriana ammetta li bejn Frar u Mejju seraq diversi affarijiet tal-ikel u anki “toaster” mis-Supermarket. Huwa nqabad jistaq fil-fatt nhar il-Ħamis li għadda.

Il-Maġistrat Leonard Caruana, semgħet lill-Ispettur Ritienne Gauci tgħid kif il-Pulizija qabdet lil Ranci minn filmati tal-cameras tas-CCTV. Huwa ammetta li seraq darba fi Frar u f’April u sitt darbiet oħra matul Mejju. Fil-Qorti ħareġ kif ir-raġel ħeba l-laħam fil-basket u ma ħariġhomx meta mar biex iħallas.

Id-difiża, immexxija mill-avukati Franco Debono u Karl Micallef, qalu li r-raġel qed jammetti l-akkużi kif għamel meta ta l-istqarrija lill-Pulizija u li għandu kondotta nadifa. Sostniet ukoll li huwa ħallas lill-ħanut l-ammont kollu li kien seraq u kkopera mal-pulizija.

Meta kienet mistoqsija biex tippreżenta l-kondotta tal-ħati mill-Qorti, l-Ispettur Gauci qalet li ma setgħetx tagħmel dan għax id-depot tal-Pulizija kien bla dawl. Min-naħa tagħha, il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien u ordnatlu li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sentejn.