Ġurnata pożittiva għall-atleti Maltin fl-isquash. Niall Engerer u Kijan Sultana jinsabu t-tnejn pass bogħod mill-finali wara li rebħu l-konfronti tagħhom.
Engerer għeleb faċilment liċ-Ċiprijott Andreas Koufettas 11-3, 11-2. Hu kellu jitħabat ftit iktar kontra Amir Samimi tal-Lussemburgu iżda rkupra tajjeb wara li tilef l-ewwel set 10-12 biex rebaħ iż-żewġ sets sussegwenti 11-7 u 11-9.
Kijan Sultana ddomina kontra l-Iżlandiż Gustaf Bjornsson 11-3, 11-0. L-avversarju li jmiss kien il-Malti Daniel Zammit Lewis li aktar qabel għeleb lil Yiannis Eftychiou. Fil-konfront kollu Malti, Sultana ħareġ rebbieħ fi dwell missielet 11-9, 15-13. L-avversarju ta’ Sultana mal-aħħar erbgħa hu Luca Wilhelmi tal-Liechtenstein.
Fl-individwali tan-nisa, ċans tajjeb ukoll li jintrebħu l-midalji. Colette Sultana għelbet lil Francoise Donven 11-1, 11-2 u tinsab mal-aħħar erbgħa. L-avversarja tagħha se tkun Vaso Karasava ta’ Ċipru wara li eliminat lil Anne Baldoni ta’ Monaco 11-7 u 14-12.
Lijana Sultana wkoll tinsab mal-aħħar erbgħa. Bħal oħtha, hi ftit sabet diffikultà biex għelbet lil Michele Meyer 11-2, 11-1. L-uniku diżappunt wasal għal Johanna Rizzo li sfat eliminata minn Sandra Denis tal-Lussemburgu. Hi rebħet l-ewwel set 11-9 iżda tilfet it-tnejn ta’ wara 8-11 u 8-11. Is-semifinali jintlagħbu t-Tlieta filgħodu.
//= $special ?>