Kummerċ Lokali

MeDirect jintroduċi Swift Home Loans Guarantee

29 ta’ Mejju 2023. Il-klijenti li japplikaw għal home loan ma’ MeDirect qabel it-30 ta’ Settembru 2023 se jingħataw €1,000 jekk il-bank ma jieħux deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tagħhom fi żmien 15-il jum.

Din il-garanzija ta’ deċiżjoni fil-pront dwar home loans tapplika fuq il-prodotti ta’ self kollha ta’ MeDirect. Dawn jinkludu Home Loans, Green Home Loans, Property Investment Loans u Home Equity Loans. Apparti minn hekk, MeDirect se jkun qed jagħti €1,000 lill-klijenti li jiffirmaw l-kuntratt ta’ xiri ta’ proprjetà f’inqas minn 100 jum mid-data tal-ħruġ tas-sanction letter.

Larissa Ciantar, Senior Manager – Mortgage Lending ta’ MeDirect Malta, qalet, “F’dawn l-aħħar snin MeDirect stabbilixxa reputazzjoni għas-servizz veloċi u effiċjenti tiegħhu li jwassal biex joħroġ kwotazzjonijiet tal-home loans kif ukoll is-sanction letter b’mod aktar mgħaġġel minn kif kienet in-norma fuq is-suq. Issa qed noffru wkoll garanzija ta’ dan. Bħala l-ewwel bank diġitali ta’ Malta, għaqqadna t-teknoloġija mal-kompetenza tat-tim tagħna biex inkunu nistgħu nagħtu esperjenza aħjar lill-klijenti u deċiżjonijiet aktar malajr minn kwalunkwe bank ieħor f’Malta. Aħna se nagħtu €1,000 lill-klijenti jekk ma nwettqux il-wegħda tagħna.”

Minbarra li jipprovdi din il-garanzija ta’ deċiżjoni fil-pront dwar l-applikazzjonijiet għal home loan, MeDirect qed jagħti wkoll premju ta’ €1,000 lill-klijenti li jiffirmaw l-kuntratt tax-xiri tal-proprjetà f’inqas minn 100 jum mid-data ta’ meta tkun ħarġet is-sanction letter. Dan huwa maħsub biex jinċentiva l-konverzjoni tal-konvenju f’xiri attwali, proċess li jista’ wkoll ikun twil u frustranti għal xerrejja tal-propjeta’.

“Filwaqt li MeDirect ma jistax jaffettwa direttament il-proċessi legali bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ, nittamaw li dan l-inċentiv jgħin biex jinkoraġġixxi lil dawk kollha kkonċernati biex jikkonkludu l-proċedimenti b’mod effiċjenti.” żiedet Ciantar.

Aktar informazzjoni dwar il-MeDirect Swift Home Loans Guarantee tinsab fuq https://promo.medirect.com.mt/swift-home-loans