L-attenzjoni tal-lum iddur maċ-Ċerimonja tal-Ftuħ li se ssir illejla fuq il-Fosos tal-Furjana
Stewart Said
Dak li l-poplu sportiv Malti esperjenza fl-1993 u fl-2003, għandu ċ-ċans jerġa’ jesperjenzah matul din il-ġimgħa. Mil-lum sas-Sibt li ġej, pajjiżna se jorganizza d-19-il edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.
Aktar minn 1,300 atleta u uffiċjali huma reġistrati biex jifformaw parti minn din il-festa tal-isport. Il-Kumitat Organizzattiv kien impenjat biex jaċċerta li l-faċilitajiet sportivi jkunu fl-aħjar livell possibbli filwaqt li l-ħidma
amministrattiva ma qatgħet xejn biex toffri l-aħjar esperjenza lit-tmien stati parteċipanti li jinsabu f’pajjiżna.
L-attenzjoni prinċipali tal-lum iddur fuq dak li se jseħħ illejla fiċ-Ċerimonja tal-Ftuħ fil-Fosos tal-Furjana. Din iċ-ċerimonja mistennija tkun segwita minn eluf ta’ telespettaturi, b’Net Television se jkun wieħed mill-istazzjonijiet li se jxandar din iċ-ċerimonja.
Iċ-ċerimonja tal-ftuħ se tiċċelebra l-ispirtu ta’ għaqda u turi l-kultura u l-wirt tal-pajjiż ospitanti billi tinkludi diversi elementi, bħal wirjiet artistiċi, mużika u żfin li jenfasizzaw l-istorja, it-tradizzjonijiet, u l-kisbiet ta’ Malta. Il-Parata tan Nazzjonijiet se tibda b’Andorra u tipproċedi alfabetikament, b’Malta – bħala pajjiż ospitanti – tisfila l-aħħar.
Elaine Genovese u Matthew Galea Soler se jkunu qed iġorru l-bandiera Maltija. Il-midalji fil-Logħob tal-Mediterran u l-Forum Olimpiku taż-Żgħażagħ Ewropej is-sena l-oħra kienu strumentali fl-għażla tal-Kumitat Olimpiku Malti. It-tenur Malti Joseph Calleja se jkanta l-Innu Nazzjonali u dan se jkun segwit mit-teħid tal-Ġurament Olimpiku li se jinqara, f’isem l-atleti, uffiċjali u kowċis, minn personalitajiet sportivi li matul is-snin taw kontribut siewi lejn l-isport.
Sal-aħħar tal-ġimgħa, Malta se tospita total ta’ 114-il avveniment f’għaxar dixxiplini – atletika, basketball, judo, rugby 7s, ibburdjar, sparar, squash, għawm, table tennis u tennis.
L-ewwel kompetizzjonijiet se jibdew illum bl-ewwel logħob mit-tennis individwali u l-fażi preliminari tal-isquash fil-Marsa Sports Ground. L-ewwel impenji wkoll fl-isport tal-basketball b’konfronti waranofsinhar bejn mill-irġiel u n-nisa bejn Ċipru u l-Lussemburgu.
//= $special ?>