Mużew ewlieni tal-Arti fl-Istati Uniti tal-Amerika, in-National Gallery of Art, għadu kemm akkwista l-pittura ‘A Man Cutting Tobacco’, kwadru mill-isbaħ u ta’ valur kbir li l-artist famuż Mattia Preti (1613-1699) pitter proprju f’Malta lejn l-1660.
Dan il-kwadru, żejt fuq it-tila, hu meqjus bħala uniku għas-seklu 17 fl-Italja u pjuttost innovattiv fl-istil ta’ Mattia Preti. Xi studjużi tal-arti jsostnu li l-figura dominanti fil-pittura hi dik ta’ Cianferlì, skjav Tork minn erbgħa li kellu l-artist Kalabriż, li Mattia Preti kien għallmu jpinġi. L-istess persunaġġ jiffigura x’diversi xogħlijiet artistiċi oħra ta’ Mattia Preti matul l-istess perjodu, fosthom ‘Martyrdom of Saint Gennaro’ (1685), li wkoll kien akkwistat min-National Gallery fis-sena 2000.
Dan l-aħħar akkwist ikompli jżid id-diversità fil-kollezzjoni ta’ pitturi tal-era moderna Taljana fil-mużew magħruf. ‘A Man Cutting Tobacco’ turi raġel b’xagħru mqaxxra bilqiegħda u b’saqajh imsallba qed jaqta’ t-tabakk, waqt li warajh, fl-isfond, jidher raġel qed ipejjep pipa twila. Bosta dettalji mpinġija bi preċiżjoni liema bħalha f’din il-biċċa xogħol ta’ arti fl-istil chiaro-scuro, jagħmlu minn dan il-kwadru kapulavur tal-arti barokka tas-seklu 17.
Jingħad li dan il-kwadru nxtara mill-mużew tal-arti Amerikan għall-prezz ta’ madwar €840,000.
Mattia Preti, imwieled fil-Calabria, in-naħa t’isfel tal-Italja, żar Malta fl-1659 wara li kien inħatar Kavallier ‘tal-Grazzja’ tal-Ordni ta’ San Ġwann u għadda l-parti l-kbira tal-bqija ta’ ħajtu f’pajjiżna. Fil-Belt Valletta żejjen is-saqaf tal-Knisja Konventwali tal-Kavallieri b’sensiela ta’ pitturi kbar li juru l-ħajja u l-martirju ta’ San Ġwann Battista (1661-1666).
F’Malta nsibu ħafna pitturi ta’ Preti f’kollezzjonijiet privati u fil-knejjes parrokkjali u kappelli. Il-fama tiegħu waqt il-ħidma tiegħu f’pajjiżna kibret u kellu ordnijiet mill-Ewropa kollha. Jingħad li Mattia Preti kemm dam Malta pinġa madwar 400 pittura.
Preti kellu x-xorti li għex ħajja twila u pproduċa għadd kbir ta’ xogħlijiet, b’kollox madwar 700 kwadru. Il-pitturi tiegħu, fl-istil tal-Barokk tard, insibuhom f’ħafna mużewijiet ewlenin.
Fost il-kollezzjonijiet importanti, minbarra dawk fil-belt kapitali tagħna, hemm dawk ta’ Napli u ta’ Taverna, belt twelidu.
//= $special ?>