Lokali Unjoni Ewropea

Nadine Delicata tiċħad l-allegazzjonijiet dwarha

“Mhemmx verità. Hija biss fabrikazzjoni.”

Din kienet ir-reazzjoni ta’ Nadine Delicata wara li lbieraħ ġew żvelati l-manuvri tal-Prim Ministru rigward il-lista ta’ kandidati Laburisti għall-Parlament Ewropew.

Delicata hija Għawdxija. U f’komunikat lil Net News hi qed tindika li mhux veru l-kontenut ta’ dak li ġie ppubblikat.

Il-gazzetta ‘il-mument’ irrappurtat li Robert Abela u l-Partit Laburista kienu se jibdew jiġru warajha biex tikkontesta din l-elezzjoni għax għandhom bżonn kandidata Għawdxija biex jaqtgħu saqajn l-Ewro Parlamentari Josianne Cutajar li mhix fdata aktar. Il-pjani ta’ Kastilja – skont ‘il-mument’ – kienu li biha jkollhom kandidatura stilla li tieħu l-voti f’Għawdex ta’ Josianne Cutajar, iżda l-intriċċi fil-Vitals Global Healthcare xegħlulhom bozza ħamra għaliex ma jafux kif jistgħu jiżviluppaw l-affarijiet.

Delicata qed tgħid li l-pubblikazzjoni ta’ dan l-artiklu fil-gazzetta qed itellef mir-reputazzjoni tagħha.