Lokali

Opra tal-arti ġdida fil-knisja taż-Żurrieq

Kien fis-Sajf tal-2017 meta b’mod unanimu il-President u l-Kumitat tas-Soċjeta’ Santa Katarina fiż-Żurrieq qablu illi jipproponu lill-Arċipriet tal-parroċċa sabiex s-Soċjeta’ tidħol għal proġett li tant kien ilu mixtieq miż-Żrieraq sabiex issir it-tieqa li kienet pjanata għal fuq il-faċċata tal-Knisja aktar minn 100 sena. U din tkun bħala rigal mill-qalb taż-Żrieraq.

Il-pjan oriġinali kien li din it-tieqa – bix-xbieha ta’ Santa Katarina – tkun inawgurata fil-ġranet ta’ qabel il-Festa ta’ Santa Katarina f’Awwissu tas-sena 2020. Iżda peress li fl-ewwel xhur ta’ l-istess sena d-dinja bdiet tesperjenza il-pandemija tal-COVID19, u peress li għal diversi xhur kien hemm restrizzjonijiet ta’ safar, dan il-proġett kellu jitwaqqaf.

It-tieqa bix-xbieha tal-qaddisa Santa Katarina ta’ Lixandra ġiet inawgurata l-Ħadd filgħaxija – xbieha li hija ċentrali fit-tieqa li saret bl-istained glass fuq il-faċċata prinċipali tal-Knisja Arċipretali ddedikata lill-istess Qaddisa.

Fic-cerimonja ta’ din l-inawgurazzjoni hadet sehem il-Banda Santa Katarina u l-kor tal-Parroċċa, fejn indaqqu diversi Innijiet.

Il-proġett inkixef mill-ex-Arċipriet Monsinjur Dun Karm Mercieca, li kien l-Arċipriet li ħadem fuq dan

il-proġett flimkien mas-Soċjeta’. Waqt il-kxif tat-tieqa inħaraq ukoll logħob tan-nar maħdum mill-membri tal-Kamra tan-Nar tal-istess Socjeta.