Lokali

Pressjoni sabiex l-applikazzjoni biex jinħareg permess għall-ħażna tal-gas quddiem l-iskola Primarja f’Ħal Lija titwaqqaf

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija, b’appoġġ ukoll mill-Kunsill ta’ Ħal Balzan, qiegħed jagħmel pressjoni fuq l-awtoritajiet sabiex l-applikazzjoni biex jinhareg permess għall-ħażna tal-gas quddiem l-iskola Primarja f’Ħal Lija titwaqqaf minnufih.

F’din l-iskola jattendu tfal ta’ bejn it-3 u l-11-il sena li jgħixu Ħal Lija, Ħal Balzan u l-Iklin. Dan filwaqt illi biswit l-iskola, hemm il-gound tal-football fejn isir it-taħriġ u l-logħob għat-tfal tan-nursery ta’ Ħal Lija u Ħal Balzan.

Iz-zona indikata għal din il-ħażna tal-LNG hija fil-post li qabel kien iservi bħala residenza għall-istudenti barranin li jattendu l-Universita ta’ Malta – post li issa m’għadux jintuża.

Net News tkellem mas-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija Anthony Dalli illi insista li fl-opinjoni tal-Kunsill, din il-faċilità m’għandhix isir fil-post indikat, għas-sempliċi raġuni illi l-impjant għall-ħażna tal-gas jista’ joħloq periklu bla bżonn u nuqqas ta’ serħan il-moħħ.

Għaldaqstant, it-Tnejn filgħodu saru diversi diskussjonijiet bejn is-Sindku tal-lokal Anthony Dalli flimkien mal-Awtorita tal-Ippjanar, mar-Regolatur tas-Settur tal-Enerġija, mas-CPD u anke l-Enemalta. Dan sabiex l-applikazzoni għall-permess għall-ħażna tal-gas titwaqqaf.

Il-Kunsill Lokali qiegħed jinsisti li l-proċess għandu jerġa’ jibda mill-ġdid, sabiex ikun hemm lok għal diskussjonijiet u kemm ir-residenti tal-lokal, kif ukoll il-ġenituri, l-għalliema u l-istaff ikollhom iċ-ċans li jressqu l-ilmenti u l-ħsibijiet tagħhom dwar din il-faċilità.

Bħalissa… il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija għaddej bid-diskussjonijiet mal-konsulenti kemm tal-Kunsill kif ukoll il-konsulenti tal-applikant sabiex jintlaħaq ftehim dwar din il-kwistjoni. Intant, fuq il-media soċjali, il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan tenna li qiegħed f’kuntatt kontinwu mal-Kunsill  ta’ Ħal Lija dwar din il-kwistjoni. Filwaqt li esprima appoġġ sħiħ lejn kull sforz li qed isir sabiex tiġi salvagwardjata is-sigurtà tar-residenti.