Internazzjonali Lokali

Roberta Metsola fuq ‘Che Tempo Che Fa’ fuq Rai

“Il-President li tirrappreżenta lilna lkoll”. Hekk ġiet introdotta l-MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola mill-ġurnalist tar-Rai Fabio Fazio waqt l-aħħar edizzjoni tal-programm popolari ‘Che Tempo Che Fa’.

Waqt il-programm, il-President Metsola tkellmet dwar it-trasformazzjoni li għaddiet minnha Malta, minn pajjiż kandidat għal membru tal-Unjoni Ewropea. Kompliet li għall-ġenerazzjoni iżgħar, l-Ewropa hija d-dar naturali tagħhom, u l-Unjoni Ewropea jeħtieġ tiftaħ il-bibien tagħha għalihom u tifhem dak li jridu ż-żgħażagħ minn dan il-proġett.

Kompliet li l-Ewropa mhix biss għaqda ekonomika iżda waħda politika wkoll.

Il-President Metsola qalet li l-Ewropa hi l-antiteżi tal-mafja u l-korruzjoni. Sostniet li l-ġlieda għadha ma ntemmietx, u rreferiet għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. L-MEP Maltija qalet li l-messaġġ tal-Parlament Ewropew hu ċar: mhux se jieqaf jiġġieled biex issir ġustizzja u biex jiżgura li fis-soċjetajiet Ewropej, tista’ tafda lill-politiċi u lil dawk li għandhom ir-responsabbiltà biex dawn l-atti kriminali ma jerġgħu jseħħu qatt.

“Il messaggio e sempre piu chiaro. Che noi leotteremo fino alla fine per trovare la gustizzia e riassicurae che la nostre societa possono contare sui politici, su quelli che hanno la responsabilta come me di lottare perche questo non accade mai piu notre societa.”

Dwar l-immigrazzjoni, il-President Metsola qalet li s-sistema mħaddma bħalissa fl-Unjoni Ewropea m’hix taħdem. Qalet li pajjiżi bħal Malta u l-Italja ilhom jitolbu aktar għajnuna minn pajjiżi oħra Ewropej biex itaffu il-piż tal-immigrazzjoni, u ħafna drabi jħossuhom li tħallew jerfgħu l-piż waħedhom. Kompliet li l-pajjiżi Ewropej jeħtieġ ikunu ibsin ma min jitraffika lin-nies, iżda fl-istess ħin irridu niftakru li wara n-numri ta’ dawk li jisfaw mgħerrqa fil-Mediterran, hemm tfal, nisa u rġiel li riedu ħajja aħjar.

Qalet li din hi l-aħħar ġenerazzjoni li tista’ tagħmel xi ħaġa dwar il-kriżi tal-klima, waqt li jkun analizzat l-impatt ekonomiku u soċjali tad-deċiżjonijiet li jittieħdu. Hi sostniet li l-politiċi għandhom iżomm kuntatt man-negozji u mal-familji biex jispjegaw għalfejn jieħdu ċerti deċiżjonijiet iżda fl-istess ħin iridu jaraw li l-impatt tad-deċiżjonijiet tagħhom ikun bilanċjat.

Mistoqsija mill-ġurnalist Fazio dwar l-aggressjoni Russa fuq l-Ukrajna, il-President Metsola qalet li ma jistax ikun hemm paċi jekk ma ssirx ġustizzja mal-poplu Ukren li jeħtieġ jerġa’ jkollu l-libertà u s-sovranità biex jgħix f’pajjiżu b’serħan il-moħħ.

“Per me la pace senza giustizza non e pace. La pace senza l-integrita, senza indipendenza non e pace.”