Internazzjonali

Spanja: Lejn elezzjoni ġenerali bikrija wara d-disfatta tas-Soċjalisti fil-vot tal-Ħadd

(Ritratt: The Olive Press.com)

Il-Prim Ministru Soċjalista ta’ Spanja, Pedro Sanchez, sejjaħ għal elezzjoni bikrija fuq livell nazzjonali wara t-trijonf tal-Oppożizzjoni tal-lemin fl-elezzjonijiet reġjonali u muniċipali tal-Ħadd.

Sánchez sadanittant informa lir-Re Spanjol Felipe dwar id-deċiżjoni tiegħu biex ixolji l-Parlament u jsejjaħ l-elezzjoni għat-23 ta’ Lulju – ħames xhur qabel id-data programmata oriġinarjament għall-vot nazzjonali.

L-elezzjoni  se tkun riskjuża ħafna għall-futur ta’ Sanchez u s-Soċjalisti, bil-Prim Ministru jtenni li l-Ispanjoli jeħtieġu jiċċaraw xi jridu wara li l-Partiti konservattivi u l-partiti radikali tal-lemin kisbu riżultati impressjonanti fl-imsemmija elezzjonijiet.

Intant,  l-elezzjoni ġenerali li jmiss se tiddetermina s-sitwazzjoni politika tal-Prim Ministru u l-futur tal-Koalizzjoni ta’ minoranza li hu qed imexxi f’Madrid.

Il-Partit tal-Poplu (PP) konservattiv kiseb riżultat ħafna aħjar milli kien qed jistenna fl-elezzjonijiet tal-Ħadd meqjusa bħala ‘referendum’ dwar il-koalizzjoni ta’ Sanchez mal-Alleanza Unidas Podemos tax-xellug estrem.

Minbarra li kiseb maġġoranza assoluta fir-reġjun u l-kunsill lokali ta’ Madrid, il-PP rebaħ ukoll fir-reġjuni ta’ Aragon u Valencia li sa ftit ilu kienu kontrollati mill-Partit Soċjalista (PSOE) ta’ Sanchez. Rebħa oħra impressjonanti għall-PP kienet fl-elezzjoni għall-Gżejjer Baleariċi li wkoll irriservat disfatta għas-Soċjalisti

Madankollu, il-PP falla mill-maġġoranza neċessarja f’ħafna mir-reġjuni li rebaħ fi tmiem il-ġimgħa u li jfisser li l-partit se jkollu jidħol fi ftehim mal-Partit tal-Vox radikali li wkoll żied l-appoġġ tiegħu fir-reġjuni kuntestati.