Lokali Qorti

Talba għal estradizzjoni ta’ Malti lejn l-Italja b’rabta ma’ vetturi misruqa destinati lejn pajjiżna

Malti ta’ 59 sena residenti l-Kalkara tressaq il-Qorti fuq talba li saret lil Malta mill-Italja biex jiġi estradit fuq akkużi b’rabta ma’ serq ta’ vetturi destintati lejn Malta. Skont l-awtoritajiet ta’ Catanzaro – Marco German hu nvolut b’rabta ma’ dan is-serq fejn skont ma’ ħareġ fil-Qorti hemm madwar 72 persuna li huma suspettati fuq dan is-serq u reati oħra li jlaħħqu l-miljuni ta’ ewro.

Fl-awla 22 fejn tressaq German kien hemm numru kbir ta’ membri tal-familja tiegħu. Hu qed jiċħad bil-qawwa kollha dawn l-akkużi. Skont ma ġie rappurtat fil-ġurnali Taljani, fosthom il-ġurnal influwenti “Corriera della Sera” il-Pulizija Taljana lf’Jannar li għadda kissret ċirku massiv tal-Mafia, magħruf bħala ‘Ndrangheta’ li kien ikkonċentrat fuq żona tan-nofsinhar ta’ Calabria u qabdet assi ta’ aktar minn €200 miljun li kienu jinvolvu lil Malta u individwi f’Malta.

Fi stqarrija, l-Pulizija Taljana erba’ xhur ilu kienet rrappurtat din il-qabda fejn qalet li parti miċ-ċirku kien iddedikat għal “sistema kumplessa ta’ traffikar ta’ vetturi misruqa fl-Italja destinati għal pajjiżi oħra, b’mod partikolari lejn Malta u r-Rumanija, li kienet qed tiġi mmexxija minn mexxejja tal-kriminalità organizzata.”

Il-pulizija Taljana ma żvelatx ismijiet tal-persuni involuti, iżda sezzjonijiet tal-istampa Taljana, fosthom il-ġurnal influwenti “Corriere della Sera” semmewhom kollha. Dawn jinkludu żewġ persuni b’konnessjonijiet ma’ Malta u li tqiegħdu taħt investigazzjoni kriminali, wara li allegatament kienu involuti fil-kummerċ illeċitu ta’ vetturi misruqa.

Flimken ma’ Marco German, issemma wkoll William McManus ta’ 56 sena li skont l-istampa Taljana, għandu rabtiet ma’ Malta. Il-vetturi inkwistjoni huma maħsuba fir-reati lleċiti li huma relatati wkoll mal-agrikoltura u makkinarju ta’ ċertu portata.   

Huma aktar minn 70 persuna li tqiegħdu taħt investigazzjoni kriminali għal reati fosthom konfoffa marbuta mal-Mafia, estorsjoni, ħtif, tixħim u pussess ta’ armi. German issemma biss u qed jiċħad bil-qawwa kollha r-reati marbutin mas-serq ta’ karozzi.

L-Avukat Edward Gatt li flimkien mal-Avukat Mark Vassallo deher għal German qal li l-akkużi fil-konfront tal-klijent tiegħu mhumiex konfromi ma’ estradizzjoni. Meta kien qed jagħmel it-talba tiegħu għall-pleġġ lill-Maġistrat Elaine Mercieca Rizzo hu qal li German għandu l-familja tiegħu u li qatt ma kiser difrejh mal-ġustizzja.

Qal li l-akkużi mill-Pulizija Taljana f’dan il-każ huma minimi fil-konfront tal-klijent tiegħu, f’każ li aktar sejjaħlu bħala wieħed avventuruż jekk mhux ukoll frivolu. Il-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għat-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest sakemm il-kundizzjonijiet ikunu ta’ ċertu portata, fosthom li jiffirma l-Għassa tal-Pulzija ta’ spiss.

L-Avukat Gatt semma’ każ ieħor simili ta’ ċertu Antonio Ricci li kienu ġew miċħuda talbiex simili fuq estradizzjoni. Gatt talab ukoll lill-Qorti biex id-depożitu ma jkunx wieħed qawwi u l-bqija lesti li joqgħodu għal kull kundizzjoni li tordna l-Qorti.

Filwaqt li l-Qorti nfurmat lil German biex jiddepożita l-passaport u l-karta tal-identità u li ma jsiefirx mingħajr il-permess tal-Qorti tagħtu l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €10,000. Kien ordnat ukoll li jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Bormla kuljum. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Spiteri.