Lokali

Tkompli tiżdied il-pressjoni fuq il-Gvern biex inaqqas mill-piż tat-taxxi fuq il-ħaddiema

F’dawn l-aħħar jiem numru ta’ Unions, flimkien mal-PN komplew bl-appelli tagħhom lill-Gvern ta’ Robert Abela biex ma jibqax jintaxxa l-paga tal-ħaddiema sħiħa – f’kelma waħda, dik li hi il-paga gross. Dan hekk kif apparti li l-Gvern jaqtgħalek parti mill-paga għall-NI, il-Gvern jintaxxak fuqha wkoll.  

Dwar dan Net News tkellem mal-Ministru reponsabbli mis-Sigurtà Soċjali Michael Falzon fejn ma eskludiex li l-Gvern jibda diskussjonijiet f’dan ir-rigward.

Deċiżjoniji li jekk tittiehed … twassal sabiex il-ħaddiem ikollu aktar flus f’butu. Iżda l-Prim Ministru Robert Abela ftit tal-jiem ilu kkonferma li l-Gvern tiegħu se jżomm it-taxxa fuq il-COLA. U fl-ebda ħin ma ddikjara li se jneħħi din it-taxxa biex jgħin lill-ħaddiema u l-familji.

Dan ifisser illi filwaqt li l-ħaddiema qed jieħdu ż-żieda għall-għoli tal-ħajja – b’sena lura – dawn il-flus jerġa’ jieħodlok minnhom, għaliex jiġu intaxxati.

Intant staqsejna wkoll lill-Ministru Falzon għala l-Gvern ta’ Robert Abela naqas milli jagħti għajnuna lir-raħħala… bil-konsegwenza li l-produttur lokali spicca għolla l-prodotti tal-ħalib. Bil-Ministru jispicca jgħid li hemm limitu kemm il-Gvern jista’ jgħin.

Bħalissa r-rata ta’ inflazzjoni f’pajjizna għadha qrib is-7 fil-mija – rata rekord għal pajjiżna, bil-prezzijiet qed ikomplu jgħolew, filwaqt li qed jiżdiedu wkoll anke l-ħlasijiet għal diversi servizzi.