Fl-aħħar ħin, Net News ġie infurmat illi trakk tar-ready mix waqa’ f’kandott fil-Mosta. Dan il-każ seħħ f’Constitutional street waqt li kienu qegħdin isiru xi xogħolijiet bħala parti mill-proġett fil-Mosta li issa ilu jkaxkar saqajh għal ammont ta’ xhur.
Il-proġett li qiegħed isir fil-Mosta u li ilu għaddej żmien twil qiegħed iqajjem tħassib kbir fost ir-residenti tal-Mosta. Filfatt ħafna residenti qed isibuha dejjem aktar diffiċli biex joħroġu minn djarhom, u in-nuqqas ta’ faċilitajiet ta’ parkeġġ żied il-frustrazzjoni.
Minkejja li l-awtoritajiet insistew li dan il-proġett se jtejjeb l-immaniġġjar tat-traffiku fiż-żona, jidher ċar li qed jiġri bil-maqlub, b’riżultat ta’ aktar konġestjoni u dewmien għas-sewwieqa. Dan hekk kif diversi residenti qegħdin jilmentaw għan-nuqqas ta’ preżenza adekwata ta’ uffiċjali jiddirezzjonaw it-traffiku, mingħajr ammont biżżejjed ta’ barrikati li jimmarkaw b’mod ċar għas-sewwieqa u għal min jgħaddi bil-mixi.
Ħafna residenti qegħdin isibuha diffiċli biex imorru x-xogħol jew l-iskola fil-ħin, u xi wħud saħansitra qed jikkunsidraw li jitbiegħdu miż-żona minħabba l-konġestjoni kostanti tat-traffiku.
Huwa ċar li dan il-proġett qed ikollu impatt negattiv fuq il-ħajja tar-residenti tal-komunità tal-Mosta, u għalhekk qegħdha ssir pressjoni fuq l-awtoritajiet kkonċernati sabiex is-sitwazzjoni titranġa minnufih.
//= $special ?>