Lokali Parlament

271 każ ta’ abbuż fuq anzjani fl-2022

Tul l-2022 kienu rapportati 271 każ ta’ vjolenza fuq anzjani, li minnhom 180 kienu każi ta’ vjolenza domestika.

Dan jirriżulta minn tweġiba parlamentari tal-Ministru tal-Intern Byron Camilleri għal mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici.

Il-Ministru Camilleri qal li fis-sistema kompjuterizzata tal-pulizija li tiġbor ir-rapporti kollha, m’hemmx kategorija speċifika għal reati kriminali fuq persuni anzjani jew fuq bażi ta’ età. Il-kategoriji huma bbażati fuq it-tip ta’ reat imwettaq.

Dan l-ammont ma jirriflettix fin-numru ta’ vittmi, peress li rapport wieħed jista’ jinkludi aktar minn persuna waħda u għalkemm persuna anzjana tkun imniżżla bħala vittma f’rapport, tista ma’ tkunx il-persuna prinċipali fil-mira diretta tal-aggressur.

Jirriżulta li rapporti li jinvolvu persuni ta’ 60 sena jew aktar rapportati fl-2022 kienu; każ wieħed ta’ omiċidju volontarju, 78 każ ta’ feriti fuq il-persuni, 180 każ ta’ vjolenza domestika, każ wieħed ta’ serq bl-armi, żewġ każi ta’ attakk u serq f’postijiet pubbliċi, tmien każi ta’ serq minn fuq il-persuna u każ ta’ stupru.