GSSE Malta 2023 Sport

GSSE Malta 2023 – Għawm: Deheb, tnejn fidda u tlieta bronż mill-għawwiema Maltin

(Ritratt: Matthew Tabone)

L-għawm ipprovda sitt midalji fl-ewwel ġurnata. Tispikka fost l-oħrajn il-midalja tad-deheb mit-tim tal-4×100 metru relay tal-irġiel. Din il-midalja waslet wara li oriġinarjament it-tim kien klassifika fit-tielet post iżda ġew skwalifikati l-Lussemburgu u Ċipru li kienu spiċċaw qabel it-tim Malti.

It-tim kien magħmul minn Matthew Galea, Kyle Micallef, Rudi Spiteri u Raoul Stafrace. Din hi biss it-tieni midalja tad-deheb fl-istorja tal-għawm għal Malta waqt il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.

Sarah Demicoli kienet qrib il-midalja tad-deheb fil-200 metru butterfly tan-nisa iżda ħadet il-fidda f’ħin ta’ 2:22.83 li jfisser 0.27 ta’ sekonda wara r-rebbieħa Agathi Manoli ta’ Ċipru.

Fidda wkoll għal Sasha Gatt fit-800 metru freestyle tan-nisa. Bil-prestazzjoni tagħha, kienet ċerta mit-tieni post u kienet qrib Arianna Valloni ta’ San Marino iżda kklassifikat żewġ sekondi warajha.

L-ewwel midalja fl-għawm fil-ġurnata waslet permezz ta’ Victoria Balderacchi li rebħet il-bronż fil-200 metru backstroke b’ħin ta’ 2:23.14. Bronż ukoll fit-tellieqa backstroke tal-irġiel hekk kif Thomas Wareing daħal it-tielet f’2:07.39 u ħoloq rekord nazzjonali. Ħuh Sean, ikklassifika fis-seba’ post.

Dylan Cachia pprovda bronż oħra għal Malta b’ħin ta’ 8:22.73 li hu rekord nazzjonali fit-800 metru freestyle tal-irġiel. Fl-istess tellieqa, ħa sehem Nathan Cachia li temm fis-seba’ post.

Fil-finali tal-100 metru freestyle tan-nisa, Francesca Falzon Young temmet fis-sitt post f’59.79 sekonda filwaqt li Nirvana Micallef ikklassifikat fit-tmien post.

Riżultat simili fil-100 metru freestyle tal-irġiel b’Kyle Micallef temm fil-ħames post meta waqqaf l-arloġġ f’51.55 sekonda, b’Rudi Spiteri jispiċċa fit-tmien post b’ħin ta’ 52.80 sekonda.

Iż-żewġ għawwiema Maltin fil-200 metru medley ma rnexxielhomx jikklassifikaw mal-ewwel tlieta. Mya Azzopardi temmet fil-ħames post segwita minn Victoria Balderacchi.

Thomas Wareing falla bi ftit il-bronż fil-200 metru medley b’ħin ta’ 2:08.83 jew aħjar 0.19 sekonda wara Florian Frippiat tal-Lussemburgu.