Lokali Saħħa

Aktar minn 8,400 jistennew għal operazzjoni fl-isptar

8,454.

Dan huwa l-ammont ta’ pazjenti li ilhom jistennew aktar miż-żmien stipulat sabiex isirilhom intervent kirurġiku jew operazzjoni fl-Isptar Mater Dei jew fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Dan ġie konfermat mill-Ministru responsabbli mill-pazjenti ta’ pajjiżna kif ukoll l-id il-leminija ta’ Robert Abela, Chris Fearne…. meta fil-Parlament id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg staqsiet x’inhu n-numru totali ta’ pazjenti li fil-preżent qed jistennew sabiex jagħmlu intervent kirurġiku fil-Gżejjer Maltin.

L-akbar ammont f’pazjenti li qed jistennew għal intervent huwa fl-ortopedija, 3,582 – segwit minn dawk il-pazjenti li għandhom bżonn intervent ġenerali – 2,949. Dawn huma kollha numru ta’ pazjenti li għadhom maqbudin fil-waiting list tal-isptar.

Interventi f’dak li għandu x’jasam mal-oftalmoloġija – jiġifieri fuq problemi marbuta mal-għajnejn – hemm 686, filwaqt li tal-ENT 571 persuna li għadhom qed jistennew operazzjoni..

Hemm stennija kbira wkoll fost it-tfal hekk kif fil-pedjatrija hemm 288 pazjent jistennew – illi jfisser 288 ġenitur mħasseb bil-kundizzjoni ta’ uliedu.

Dawn in-numri kollha jammontaw għal aktar minn 8,400 persuna – ta’ kull età – li qed jistennew sabiex ifiequ; eluf ta’ Maltin u Għawdxin li għadhom ma jafux x’se jsir minnhom, meta fin-nofs hemm is-saħħa tagħhom.

Dan wara li fl-aħħar snin Robert Abela nesa kompletament is-settur tas-saħħa, u ma nvestiex fl-isptarijiet. Filwaqt li ma ddejjaq xejn jagħti l-mijiet ta’ miljuni ta’ ewro lil Steward Healthcare minkejja li kien konxju li d-deals li kien daħal fihom il-Gvern kienu frawdolenti.