GSSE Malta 2023 Sport

Ċerimonja tal-Ftuħ li nisslet nostalġija tal-passat u uffiċjalment tat bidu għal ġimgħa ta’ sport

Id-19-il edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa hi uffiċjalment miftuħa. F’Ċerimonja tal-Ftuħ organizzata fuq il-Fosos tal-Furjana, spikka l-palk b’forma tas-salib bi tmien ponot tal-Kavallieri ta’ San Ġwann.

Iċ-Ċerimonja nisslet nostalġija għal dawk li jiftakru ċ-Ċerimonji tal-Ftuħ ta’ meta Malta kienet organizzat b’suċċess il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fl-1993 u fl-2003. L-attenzjoni prinċipali kienet meta l-atleti parteċipanti mid-disa’ pajjiżi parteċipanti għamlu l-parata simbolika.

It-tabella tal-ismijiet tan-nazzjonijiet inġarrew minn atleti żgħażagħ Maltin promettenti. Dawn kienu Kim Camilleri Laganà tal-Weightlifting, Martina Clark tal-Badminton, Alycia Cassar tat-Taekwando, Tara Vella Clark tal-Ġinnastika, Andres Aquilina Bondin tal-Canoeing, Laya Cristina tal-Golf, Michela Caruana tal-Atletika, Michela Scerri tat-Taekwando u Jean Paul Zahra tal-Ibburjdar rispettivament.

Il-bnadar tal-pajjiżi parteċipanti kienu bħas-soltu r-responsabbiltà tal-atleti iżda d-differenza f’din l-edizzjoni kienet li l-bnadar nġarrew minn atleta raġel u mara, b’sinjal favur id-diversità. Għal Malta ġarrew il-bandiera Matthew Fleri Soler tal-atletika u Elaine Genovese tat-tennis.

Wara li telgħet il-bandiera tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar u l-bandiera Maltija, segwa l-innu kantat mit-tenur ta’ fama mondjali Joseph Calleja. Segwew il-ġurament mit-tiratriċi Eleanor Bezzina f’isem l-atleti, Mario Bonello f’isem il-kowċis u David Bonello f’isem l-uffiċjali li kollha għamlu l-wegħda li jirrispettaw ir-regoli tal-kompetizzjoni fi spirtu sportiv.

Waqt iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ, saru diskorsi mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima, il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti Julian Pace Bonello, il-President tal-Kumitat Olimpiku Ewropew Spyros Capralos fl-assenza tal-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali Thomas Bach u l-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela li ddikjara uffiċjalment il-Logħob miftuħ.

Iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ ma setgħetx tkun dik li kienet mingħajr il-wasla tat-Torċa Olimpika. It-tiratur Malti William Chetcuti wassal it-torċa fuq il-palk lejn l-atleta tat-ten pin bowling Sue Abela li għaddiet it-torċa lejn l-eks tennisti Helen Asciak u Carol Cassar Torreggiani. Malli tqabbdet it-Torċa Olimpika, beda spettaklu tan-nar tal-ajru u ġiet kantata d-diska uffiċjali ta’ din l-edizzjoni bl-isem ta’ Shine Your Light kantata minn Aidan u Amber.