GSSE Malta 2023 Sport

AĠĠORNATA : GSSE Malta 2023 – Atletika: Ġurnata storika għall-atletika Maltija

(Ritratt: Matthew Tabone)

Jared Micallef kiseb midalja tad-Deheb oħra għal Malta hekk kif rebaħ it-800 metru tal-Irġiel. Warajh daħlu Pol Moya tal-Andorra u Mathis Espagnet tal-Lussemburgu rispettivament.

Żewġ midalji oħra għal Malta din id-darba fit-800m tan-Nisa hekk kif Gina McNamara daħlet flewwel post u għalhekk rebħet id-Deheb filwaqt li oħta Clare McNamara daħlet it-tielet u kisbet il-Bronż

L-ewwel midalja mill-atletika waslet mill-hammer throw permezz ta’ Mireya Cassar b’tefgħa ta’ 50.74 metri. Ipparteċipat ukoll Antonella Chouhal li kklassifikat fir-raba’ post.

Iċ-Ċiprijotti Emilia Kolokotroni u Valentina Savva kisbu l-midalji tad-deheb u l-fidda rispettivament b’tefgħat ta’ aktar minn 60 metru.

Fil-100 metru tal-irġiel riżultati mħallta għall-atleti Maltin. Luke Bezzina ġie skwalifikat wara tluq qabel l-isparatura. Beppe Grillo spiċċa fit-tieni post fil-heat tiegħu u kkwalifika għall-finali b’ħin ta’ 10.58 sekonda.

Carla Scicluna u Charlotte Wingdield it-tnejn kwalifikaw għall-finali tal-100 metru tan-nisa. Scicluna spiċċat it-tieni fil-heat tagħha f’11.80 sekonda filwaqt li Wingfield temmet it-tielet u l-ħin tagħha ta’ 11.91 kien biżżejjed biex għaddiet ukoll. It-tnejn għamlu l-aħjar ħin tagħhom f’dan l-istaġun.

Fil-finali tal-400 metru se jkun hemm ukoll żewġ atleti Maltin li spiċċaw fit-tieni post tal-heats tagħhom. Graham Pellegrini waqqaf l-arloġġ f’48.51 sekonda filwaqt li Matthew Galea Soler kiseb l-aħjar ħin personali f’48.83 sekonda.