Atletika GSSE Malta 2023 Sport

GSSE Malta 2023: Ġurnata mnaqqxa bid-deheb għall-atletika Maltija b’sitt midalji tad-deheb fl-ewwel ġurnata

(Ritratt: Matthew Tabobne)

It-30 ta’ Mejju hi ġurnata li żgur se tibqa’ mniżżla fl-istorja tal-atletika Maltija. Sitt midalji tad-deheb li diġà hu rekord f’edizzjoni waħda fl-istorja ta’ Malta fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Magħhom jiżdiedu ħames midalji tal-bronż u dan għadu biss l-ewwel ġurnata. Sodisfazzjon wara l-ieħor, b’uħud mill-midalji kienu mistennija u oħrajn li waslu bi ftit sorpriża.

Jordan Gusman żamm mal-aspettattiva u rebaħ id-deheb fl-10,000 metru tal-irġiel f’29:37.96 li hu rekord għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Dillon Cassar irnexxielu wkoll jitla’ fuq il-podju bir-rebħ tal-midalja tal-bronż. Gusman ikkontrolla t-tellieqa kif ried hu u rebaħ b’vantaġġ ta’ kważi minuta, b’Cassar jagħti saħħtu kollha biex finalment baqa’ mal-ewwel tlieta.

Lisa Marie Bezzina rebħet il-midalja tad-deheb fl-10,000 metru għat-tieni edizzjoni konsekuttiva. Hi mhux talli spiċċat l-ewwel imma għamlet dan bi stil bl-aħjar ħin personali ta’ 35:27.43. Joelle Cortisikklassifikat fir-raba’ post.

Riżultati mill-aqwa fit-800 metru. F’dik li tista’ titqies bħala sorpriża, Jared Micallef rebaħ il-midalja tad-deheb meta fl-aħħar metri qabeż lil Pol Moya Betriu tal-Andorra u rebaħ f’1:50.22. F’din il-finali kkompeta wkoll Benjamin Micallef li kklassifika fil-ħames post.

Sodisfazzjon ukoll fit-800 metru tan-nisa. Fil-finali kienet Gina McNamara li bl-aħjar wirja tal-istaġun kisbet il-midalja tad-deheb f’2:12.46. Oħtha ClareMcNamara rnexxielha tirbaħ il-bronż bl-aħjar ħin personali ta’ 2:16.92 u qabżet bi ftit lil Elin Sigurbjornsdottir tal-Iżlanda.

Deheb għal Claire Azzopardi fil-long jump tan-nisa b’qabża ta’ 6.14 metri. Fl-istess kompetizzjoni, ħadet sehem Rachela Pace li temmet fir-raba’ post.

Riżultat ieħor sabiħ fil-pole vault tan-nisa, b’żewġ midalji u l-aħjar riżultati personali għal Peppijna Dalli u Sana Grillo. Dalli rebħet id-deheb b’riżultat finali ta’ 3.65 metri filwaqt li Grillo temmet b’3.60 metri.

L-ewwel midalja tal-ġurnata kienet waslet fil-hammer throw permezz tal-bronż minn Mireya Cassar b’tefgħa ta’ 50.74 metri. Ipparteċipat ukoll Antonella Chouhal li kklassifikat fir-raba’ post. Iċ-Ċiprijotti Emilia Kolokotroni u Valentina Savva kisbu l-midalji tad-deheb u l-fidda rispettivament b’tefgħat ta’ aktar minn 60 metru. Fid-discus tal-irġiel, Luke Farrugia kklassifika fil-ħams post bl-aħjar ħin riżultat tal-istaġun b’tefgħa ta’ 50.27 metri.

Beppe Grillo rebaħ il-bronż fil-finali tal-100 metru tal-irġiel bl-aħjar ħin personali tiegħu ta’ 10.66 sekondi.

Fil-finali tal-100 metru tan-nisa, Carla Scicluna Charlotte Wingfield ikklassifikaw fir-raba’ u l-ħames post rispettivament. Scicluna waqqfet l-arloġġ f’11.70 sekonda filwaqt li Wingfield daħlet 0.16 ta’ sekonda warajha.

Fl-400 metru tal-irġiel, Malta għandha żewġ atleti fil-finali. Matthew Galea Soler se jikkontesta l-finali llum wara li kkwalifika bit-tieni post mill-heat bl-aħjar ħin personali għalih ta’ 48.83 sekonda. L-istess għamel Graham Pellegrini li spiċċa t-tieni wkoll fl-ewwel heat.

(Ritratt: Matthew Tabone)
(Ritratt: Matthew Tabone)
(Ritratt: Matthew Tabone)
(Ritratt: Matthew Tabone)
(Ritratt: Matthew Tabone)
(Ritratt: Matthew Tabone)
(Ritratt: Matthew Tabone)