GSSE Malta 2023 Sport

GSSE Malta 2023: Jordan Gusman b’mira li jirbaħ quddiem il-pubbliku Malti

(Ritratt: Kumitat Olimpiku Malti)

L-atleta Jordan Gusman għandu mira ċara, dik li jirbaħ quddiem il-pubbliku Malti. Gusman li hu mwieled fl-Awstralja, daħal fix-xena tal-atletika Maltija fl-2019, eżatt fil-ħin qabel l-aħħar edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saret fil-Montenegro.

Minħabba li hu mhux residenti f’pajjiżna, ftit huma l-opportunitajiet għalih biex itellaq fil-Matthew Micallef St. John Stadium tal-Marsa. “Nixtieq li nirbaħ quddiem il-pubbliku Malti. Tfisser ħafna għalija. Ili niffoka fuq dawn il-Logħob għal ftit snin u rrid li jkolli prestazzjoni tajba,” qal Gusman.

L-atleta ta’ 29 sena rebaħ il-5,000 u l-10,000 metru erba’ snin ilu u jibda l-favorit li jerġa’ jikseb iż-żewġ midalji tad-deheb. Fl-aħħar edizzjoni, Gusman għamel l-10,000 metru f’29 minuta u 49.43 sekonda iżda hu qed jimmira li mhux biss itemm l-ewwel iżda wkoll li jtejjeb il-ħin. Bl-akbar onestà, Gusman ammetta li bħalissa jinsab fl-aħjar forma fid-distanzi t-twal u għadu kif ġera l-10,000 metru f’28 minuta u 29 sekonda.

Minħabba li din hi t-tieni parteċipazzjoni tiegħu fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, staqsejt lil Gusman jekk hux qed jara differenza minn erba’ snin ilu. “Iva naħseb li nbidel ħafna. Bidla fl-avvenimenti tfisser li nħossni aktar preparat għal din il-kompetizzjoni minn qabel. Riċentament miet missieri u flimkien man-nannu tiegħi, se nkun qed niddedika l-ġirja għalihom.”

L-isport tal-atletika mistenni jattira numru ta’ midalji lejn pajjiżna b’tim li potenzjalment hu fost l-aqwa li Malta kellha, xi ħaġa li Jordan Gusman stess jemminha.