GSSE Malta 2023 Sport

GSSE Malta 2023 – Tennis: Asciak u Pecotic javvanzaw mal-aħħar tmienja

(Ritratt: Deea Buzdugan)

Matthew Asciak wettaq rimonta mill-aqwa biex irnexxielu jikkwalifika mal-aħħar tmienja fil-kompetizzjoni tal-individwali tal-irġiel. Hu għeleb lil Marco de Rossi ta’ San Marino 2-6, 6-4, 6-1. Asciak kellu bidu negattiv u sa dak il-ħin kollox deher li se jkun faċli għal de Rossi.

Iżda meta rnexxielu jikser is-service tal-avversarju għall-ewwel darba fit-tieni set, Asciak kiseb erba’ logħbiet konsekuttivi u dawwar żvantaġġ ta’ 4-2 għar-rebħ tas-set 6-4 meta reġa’ kiser is-service tal-avversarju. Fit-tielet set, Asciak kompla jtejjeb il-prestazzjoni tiegħu, b’de Rossi beda jitlef il-konċentrazzjoni u l-kalma aktar ma bdiet tgħaddi l-logħba.

Aktar qabel Matija Pecotic ikkwalifika wkoll għall-kwarti tal-finali meta għeleb lil Damien Gelabert 6-0, 6-2. Pecotic qatt ma kien fil-periklu li jitlef il-konfront hekk kif wera s-superjorità l-ħin kollu, bl-avversarju mill-Andorra qatt ma kiser is-service u lanqas ma rebaħ żewġ logħbiet konsekuttivi.